Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistiku juru li matul ix-xahar ta’ Lulju komplew jonqsu n-nies fuq ir-reġistru tal-qgħad. Dan hekk kif f’dan ix-xahar in-nies qiegħda nizlu għal 2,499 – tnaqqis ta’ 25.6% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Dan ħareġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li turi informazzjoni pprovduta minn Jobsplus – fejn tindika tnaqqis ta’ 803 persuni qiegħda fuq l-ewwel parti tar-reġistru u tnaqqis ta’ 58 persuna oħra minn fuq it-tieni parti tar-reġistru meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2016.
It-tnaqqis fil-qgħad ġie rreġistrat f’kważi kull grupp ta’ etajiet, minbarra dak ta’ persuni taħt l-għoxrin sena.
L-akbar tnaqqis kien dak fost persuni li kienu ilhom qed jirreġistraw għal inqas minn 21 ġimgħa. In-numru ta’ persuni b’dizabilità niżlu wkoll b’77 persuna, meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, fejn issa niżel taħt it-300 persuna.