Il-persuni li siefru minn pajjiżna fir-raba kwart tal-elfejn tlieta u għoxrin ammontaw għal aktar minn mitejn u tmintax-il elf u mitejn persuna.
Dan joħroġ minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, hekk kif dan l-ammont, jimmarka żieda sostanzjali ta’ aktar minn wieħed u għoxrin fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu fuq is-sena ta’ qabel.
B’kollox il-persuni li siefru għal skopijiet ta’ vaganza ammontaw għal aktar minn mija u erbgħin elf u ħames mija. Aktar minn wieħed u ħamsin elf u ħames mitt persuna siefru biex iżuru ħbieb u qraba tagħhom.
Il-maġġoranza ta’ persuni li siefru barra minn Malta, jiġifieri aktar minn tmienja u erbgħin fil-mija kellhom bejn ħamsa u għoxrin u erbgħa u erbgħin sena. Dan filwaqt li aktar minn tmienja u għoxrin fil-mija kellhom bejn ħamsa u erbgħin u erbgħa u sittin sena.
Il-persuni li siefru fl-Unjoni Ewropea minn pajjiżna żdiedu b’aktar minn dsatax fil-mija filwaqt li dawk li siefru barra mill-Unjoni Ewropea żdiedu b’aktar minn sitta u għoxrin fil-mija.
L-Italja baqgħet l-aktar destinazzjoni favorita għall-persuni li siefru minn pajjiżna hekk kif il-persuni li siefru hemm ammontaw għal aktar minn tlieta u tletin fil-mija tat-totall ta’ persuni li siefru fir-raba kwart tas-sena.
L-iljieli li persuni qattgħu barra minn pajjiżna wkoll irreġistraw żieda ta’ aktar minn tlieta u għoxrin fil-mija biex b’kollox ammontaw għal ftit inqas minn miljun u nofs lejl.
Il-medja f’iljieli mqattgħin f’safra li telqet minn Malta ammontaw għal sitta punt tmienja.
Aktar minn erbgħa u ħamsin fil-mija tal-persuni li siefru, qattgħu l-ġita tagħhom f’akkomodazzjoni mhux mikrija bħal lukandi, fost oħrajn.
L-ispiża tal-persuni li siefru minn pajjiżna fir-raba kwart tal-elfejn tlieta u għoxrin wkoll żdiedet b’aktar minn tlieta u għoxrin fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu fis-sena ta’ qabel. Fil-fatt, din ammontat għal aktar minn mija sitta u disgħin miljun ewro biex b’hekk ifisser li kull persuna nefqet medja ta’ disa’ mitt ewro.
Intant, meta jħares lejn is-sena kolla, l-NSO jinnota li fl-elfejn tlieta u għoxrin, it-turisti li siefru minn pajjiżna, ammontaw għal ftit aktar minn tmien mija u erbatax-il elf. Żieda ta’ aktar minn ħamsa u tletin fil-mija meta mqabbel mal-elfejn tnejn u għoxrin.
L-iljieli li tqattgħu barra minn pajjiżna qabżu l-ħames miljun u sitt mitt elf lejl biex b’hekk ġiet irreġistrata żieda ta’ kważi tlieta u erbgħin fil-mija.
B’kollox it-turisti li siefru minn pajjiżna fl-elfejn tlieta u għoxrin nefqu kważi seba’ mija u ħamsa u tletin miljun ewro. Żieda ta’ tnejn u erbgħin fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.