Id-Dukessa ta’ Edinburgh, fit-tielet jum taż-żjara tagħha f’Malta, ħadet sehem f’konferenza li ġabet flimkien entitajiet lokali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar il-kordinazzjoni u s-sħubija fl-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra t-traffikar uman.
Din it-tema, b’enfasi fuq l-għajnuna lil vittmi tat-traffikar uman, hija fost it-temi soċjali li d-Dukessa tiffoka fuqhom fl-attivitajiet pubbliċi tagħha.
Il-konferenza li offriet l-opportunità ta’ networking bejn il-parteċipanti saret fil-kwartieri tal-Pulizija fil-Floriana u kienet organizzata b’mod konġunt mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, il-Korp tal-Pulizija u l-Kummissjoni Għolja Ingliża f’Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li bdiet l-implimentazzjoni tal-ewwel strateġija nazzjonali kontra t-traffikar uman li ġiet varata ftit ġimgħat ilu, wara ħidma li kienet ilha għaddejja bosta xhur. Hija qalet li l-Gvern Malti jilqa’ kull okkażjoni għal koperazzjoni bilaterali u internazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar uman għaliex din hija problema li tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.
Il-konferenza ġiet indirizzata fost oħrajn mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà li tkellem dwar kemm il-każijiet tat-traffikar tal-persuni spiss huma ta’ sfida, fejn il-vittmi jsibuha diffiċli biex jersqu ’l quddiem minħabba l-biża’, fost ostakli oħra. Huwa għalhekk li l-pulizija f’dan ir-rigward qed tevolvi mill-metodi ta’ investigazzjoni tradizzjonali, għal strateġiji mmexxija mill-intelliġenza (intelligence-led strategies). Strateġiji li taw ir-riżultati, fosthom f’investigazzjoni riċenti marbuta mat-traffikar tal-persuna, li wasslet biex 9 persuni jitressqu l-Qorti.
Barra l-perspettiva Maltija, il-konferenza semgħet ukoll l-esperjenzi u l-perspettivi mir-rappreżentant tan-National Crime Agency tar-Renju Unit u mir-rappreżentant tal-International Organization for Migration.