Il-permess ta’ żvilupp ta’ appartamenti fix-Xagħra viċin it-tempji tal-Ġgantija ġie revokat biex isir proċess t’assessjar tal-impatt fuq il-wirt storiku, dak magħruf bħala Heritage Impact Assessment (HIA).
Dan huwa dak li ddeċieda dalgħodu l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Sena ilu kienet il-Kummissjoni għall-Ippjanar fi ħdan l-awtorità li ssospendiet il-permess wara talbiet għal Heritage Impact Assessment.
Fil-fatt is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kienet kitbet il-Perit fuq l-iżvilupp propost u saħqet li l-UNESCO talbet biex isir assessjar tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-wirt storiku tat-tempji tal-Ġgantija.
Issa l-proċess tal-permess mhux biss huwa sospiż imma ġie revokat biex isir l-assessjar meħtieġ.
Fuq dan l-iżvilupp anki l-aġenzija tal-Gvern, Heritage Malta, kienet appellat u kienet uriet tħassib dwar l-iżvilupp li kien oriġinarjament ġie approvat mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Heritage Malta kienet anki appoġġjat il-ħsieb li jsir l-assessjar tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-wirt storiku tat-Tempji Neolitiċi tal-Ġgantija.
Heritage Malta kienet sostniet ukoll li l-awtoritajiet għandhom jaħdmu flimkien għall-preservazzjoni tal-wirt storiku u jilqgħu għall-ħtiġijiet tal-komunità.