Il-Gvern, wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, ħabbar il-ftuħ tal-istaġun għall-insib tal-malvizz mill-20 ta’ Ottubru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022, iż-żewġ dati inklużi, u għall-pluviera mill-1 ta’ Novembru 2022 sal-10 ta’ Jannar 2023, iż-żewġ dati inklużi, bi kwota nazzjonali ta’ 5,000 malvizz u 700 pluviera.
Dan tħabbar permezz ta’ stqarrija hekk kif ġie spjegat ukoll li kull min huwa liċenzjat li jonsob għall-malvizz u l-pluviera se jkun obbligat jirrapporta immedjatament kull malvizz u pluviera li jaqbad billi jċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f’ismu, jew billi juża l-mobile app ‘Game Reporting MT’.
Is-sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma.
Intant jekk jinqabad malvizz jew pluviera b’ċurkett xjentifiku, dak li jkun huwa obbligat jikteb id-dettalji kollha fil-formola taċ-ċrieket li hija inkluża mal-liċenzja speċjali u maħruġa f’isem il-persuna bil-liċenzja.
Intant il-Gvern ħabbar ukoll il-ftuħ tal-proġett ta’ riċerka fuq is-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana mill-20 ta’ Ottubru sal-20 ta’ Diċembru 2022, iż-żewġ dati inklużi.
Din is-sena, kull min se jipparteċipa fil-proġett ta’ riċerka fuq l-għasafar tal-għana se jkun obbligat fost oħrajn jirrapporta kull għasfur tal-għana maqbud (speċi u ammont) immedjatament malli jħarrabhom lura fis-selvaġġ. Dan filwaqt li kull għasfur li jinqabad li għandu ċurkett xjentifiku għandu wkoll jiġi rrapportat dakinhar stess kif spjegat fil-liċenzja speċjali.
Dawk li jkunu qed jaqbdu dawn l-għasafar huma mħeġġa wkoll jieħu filmat qasir fejn juri l-għasafar tal-għana qedin jitħarrbu mill-istess post minn fejn inqabdu, dan filwaqt li jirrapportaw ir-research effort kull meta jieħu sehem fil-proġett ta’ riċerka u ma jkunx qabad għasafar tal-għana