Għat-tieni sena konsekuttiva, il-periti qed jiġu msejħa jieħdu sehem f’kompetizzjoni, li qed issir b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Periti, biex jiġu mressqa disinji għall-proġetti magħżula fil-kategorija ta’ housing speċjalizzat.
Dawn il-proġetti ħa jkunu qed jsiru b’investiment ta’ miljun ewro u hemm erba’ binjiet tal-Gvern involuti li għal ħafna snin tħallew fi stat abbandunat.
Għal kull proġett se jintgħażlu tliet disinji li jġorru magħhom premju monetarju bid-disinn rebbieħ se jkun qiegħed jitwettaq mill-Periti rebbieħa.
Sal-aħħar ta’ din is-sena, il-periti jridu jirreġistraw l-interess għal proġet ta’ Dar Qawsalla li se tkun qed tilqa’ nies abbandunati minħabba l-orjentazzjoni sesswali, estensjoni ta’ dar tal-YMCA, Dar Mixtla li se tkun immexxija mill-Fondazzjoni Sebħ u l-estensjoni ta’ Dar Tereża li se tkompli tgħin fil-kura tas-saħħa mentali permezz tal-ħidma tal-Fondazzjoni Richmond.
Sal-15 ta’ Frar tas-sena id-dieħla d-disinji kollha jeħtieġ jiġu sottomessi.
Imbagħad id-disinni sottomessi se jgħaddu mill-iskrutinju ta’ ġurija li tinkludi disa’ esperti fis-settur fi Frar biex f’Marzu jitħabbru r-rebbieħa.
F’laqgħa ta’ informazzjoni għall-Periti kollha interessati, il-President tal-Kamra tal-Periti, Andre Pizzuto, spjega l-mod kif l-arkitettura taffetwa l-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-għarfien dwarha dejjem qed jiżdied.
Huwa qal, “Il-Kamra tal-Periti ilha tisħaq għal żmien twil l-importanza biex nelevaw il-kwalità tal-Arkitettura u nipprovaw kemm jista’ jkun il-proġetti pubbliċi jsiru permezz ta’ dawn it-tip ta’ kompetizzjonijiet u għaldaqstant nixtieq nirringrazzja lill-Ministru Roderick Gales tal-fiduċja li wera fil-kamra.”
Pizzuto żied jgħid li l-promozzjoni tal-Arkitettura se tkun qed isservi ta’ prattika tajba sabiex jiġu apprezzati iżjed benefiċċiji li tista’ tagħti kompetizzjoni bħal din.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes tenna li dan il-proġett huwa eżempju ta’ mod modern u ideali ta’ kif wieħed għandu jippjana l-ambjent li se jkun qed jgħix fih.