- Titnieda t-tieni edizzjoni tal-Malta Architect Awards
F’konferenza stampa fil-binja tal-Awtorità tal-Ippjanar, tnediet it-tieni edizzjoni tal-Malta Architect Awards, bil-għan li jiġu rikonoxxuti l-periti lokali għall-proġetti ta’ disinn ta’ kwalità għolja li qed ifasslu l-futur tal-pajjiż.
Permezz ta’ iMNG Ltd u bl-appoġġ tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-awards qed jiġu organizzati bl-iskop li jqajmu kuxjenza pubblika dwar il-valur tal-arkitettura, u tal-kultura ta’ eċċellenza li numru ta’ periti jġibu għall-proġetti tagħhom.
B’ġurija mmexxija mill-Perit Vincent Cassar – magħruf għall-eċċellenza f’xogħlu lokalment u lil hinn minn xtutna – u magħmula minn professjonisti Maltin u barranin, l-għotjiet se jitħabbru fl-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena. Il-ġurija se jkollha appoġġ ta’ team tekniku magħmul minn esperti f’oqsma varji tal-arkitettura.
Għall-edizzjoni ta’ din is-sena, żdiedu awards ġodda u tneħħew u ġew modifikati oħrajn mis-sena li għaddiet. Il-kategoriji jinkludu premji għal: Disinn Innovattiv, Riabilitazzjoni u Konservazzjoni, Disinn Urban, Bini Kummerċjali, u proġetti ta’ Interior Design, Ospitalità, Akkomodazzjoni u Divertiment tat-Turiżmu, Arkitettura tad-Djar, kif ukoll Żvilupp Sostenibbli. Se jkun hemm ukollaward għal periti ġodda.
Il-Ministru Ian Borg qal li l-Awtorità tal-Ippjanar stabbilixxiet direzzjonijiet ġodda dwar id-disinn arkitettoniku u l-impenn kollettiv lejn disinn tajjeb fl-ambjent mibni tagħna. Qal ukoll li dan sar permezz tal-pubblikazzjoni tad-dokument DC15 u spjega li permezz tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, twaqqaf Kumitat Konsultattiv għad-Disinn, li jservi ta’ għajnuna għall-Bord tal-Ippjanar fejn jidħlu l-evalwazzjonijiet tad-disinn fl-applikazzjonijiet ewlenin kif ukoll f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana.
Il-Ministru Ian Borg ikkonkluda bix-xewqa li jkun hemm rispons tajjeb mill-periti, u tkellem dwar l-importanza li jkollna aktar proġetti innovattivi li jippromwovu żvilupp sostenibbli għall-ambjent ta’ madwarhom.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius saħaq dwar l-importanza ta’ dawn l-awards, u rrimarka li din is-serata hi ċelebrazzjoni ta’ kisbiet bil-għan li tagħti rikonoxximent mistħoqq lill-periti. Is-Segretarju Parlamentari faħħar u awgura lill-parteċipanti kull suċċess.