Fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twelid l-eksMexxej Laburista u Prim Ministru Duminku Mintoff, l-Arkivji Nazzjonali qed jorganizza wirja ta’ karikaturi li kien ġabar stess matul il-karriera politika tiegħu. Din il-wirja saret realta wara diversi laqgħat bejn il-familja Mintoff u uffiċjali tal-Arkivji Nazzjonali.
Din il-wirja li ħa tkun miftuħa għal pubbliku fil-ġimagħtejn li ġejjin fil-Bianc Guiratale biswit il-pjazza tal-Imdina. Biex imbagħad il-karikaturi ħa jkunu disponibbli biex il-pubbliku jkun jista’ jmur jarahom fl-Arkivji Nazzjonali. ONE News tkellem ma’ Charles Farrugia, l-arkivista li kien il-moħħ wara din l-inizjattiva.
Din il-wirja kienet inawgurata mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li qalet kif il-Perit Mintoff ma’ jistax jintesa għar-rivoluzzjoni soċjali li l-poplu għadu jgawdi minnha sa illum bħas-servizzi soċjali u d-drittijiet ċivili.
Il-President għalqet billi qalet li l-mitt sena mit-twelid tiegħu għandha sservi biex il-poplu Malti jitgħallem mis-solidarjetà soċjali li rnexxielu jnissel f’dan il-poplu. Tkellmet ukoll, Yana Mintoff Bland li min-naħa tagħha saħqet kif missierha issa huwa “għal qalbu” li dak li ħabb iżomm bħala kollezzjoni se jmur għand il-pubbliku. Din hija wkoll wirja li turi r-relevanza internazzjonali li kellu l-eksPrim Ministru Mintoff tant li l-karikaturi huma fil-maġġoranza assoluta tagħhom xogħol ta’ artisti barranin u li kienu ppubblikati f’pubblikazzjonijiet lil hinn minn xtutna.