L-aħbar li kien se jitwaqqaf bank ġdid nazzjonali, li seta’ jindokra aħjar l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi, kienet ingħatat mill-Prim Ministru Dom Mintoff nhar it-22 ta’ Marzu tal-1974.
Dakinhar twieled il-Bank of Valletta, li beda bl-operazzjonijiet uffiċjali tiegħu tlett ijiem wara. Sal-lum, nofs seklu wara, għadu meqjus l-akbar bank nazzjonali lokali b’identità kompletament Maltija.
Id-deċiżjoni tal-Partit Laburista fil-Gvern, f’nofs numru ta’ deċiżjonijiet importanti, bħall-waqfien tal-linja tal-ajru nazzjonali u numru ta’ entitajiet u korporazzjonijiet, kienet kompliet tistabbilixxi nazzjon frisk mill-kisba tal-indipendenza mill-kuruna Ingliża.
Il-ħolqien tal-bank nazzjonali ġdid, li kien qed jieħu post il-Bank Nazzjonali ta’ Malta, li assorba l-assi u d-djun kollha tiegħu, ma ġiex mingħajr il-kontroversja u akkużi.
Fost l-oħrajn, li l-Gvern kien qed jonfoħ id-djun tal-Bank Nazzjonali ta’ Malta biex iġibu jidher daqslikieku fallut u b’hekk jieħdu taħt idejh, tant li wħud mis-sidien irrifjutaw li jiffirmaw id-dikjarazzjoni biex jgħaddu s-sehem tagħhom f’idejn il-Gvern. Kwistjoni li baqgħet tkarkar fil-qrati sal-aħħar snin.
Minkejja dan, wara l-ħolqien tiegħu bis-sehem tal-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp, il-bank il-ġdid baqa’ jżomm pożizzjoni qawwija fis-settur finanzjarju.
Fost l-iżviluppi prinċipali tiegħu mal-milja taż-żmien, il-BOV introduċa l-ewwel Automated Teller Machines jew ATMs fl-1989.
Sitt snin wara l-Gvern Malti kien iddeċieda li jnaqqas is-sehem tiegħu fih bil-bejgħ lill-pubbliku ta’ għoxrin miljun sehem jew aktar minn sittin fil-mija tiegħu. Is-sehem tal-pubbliku żdied għal kważi ħamsa u sittin fil-mija sal-2019.
Tul dan iż-żmien, il-bank stabbilixxa wkoll uffiċini rappreżentattivi barra minn xtutna, fir-Renju Unit, l-Awstralja, il-Belġju u l-Italja.
Bl-inklużjoni ta’ banek oħrajn, inkluż il-ġgant internazzjonali HSBC, li wkoll ġie bil-kontroversja tat-tradiment nazzjonali minħabba l-bejgħ bir-ribass tal-Mid-Med Bank mill-Gvern Nazzjonalista, is-settur kompla jiżviluppa b’ritmu aktar mgħaġġel fil-bidu ta’ dan is-seklu u l-BOV kien minn tal-ewwel li jagħmel dan.
Tnejn u għoxrin sena ilu kien anke introduċa s-servizz tal-internet banking, anke jekk dan kellu jieħu żmienu biex isir ferm iżjed popolari bħalma hu llum. Għaxar snin wara, fl-2012, żdiedet ukoll l-app għall-mobile banking u ħlasijiet diġitali.
Ħamsin sena minn twelidu, li fihom mhux biss indokra l-ġid ta’ eluf ta’ familji u għen daqstant ieħor kumpaniji jitwieldu u jikbru, il-BOV qed iħares anke lejn il-ġejjieni, inkluż bil-wegħda li sal-2030 inaqqas l-ammont ta’ tniġġis li jipproduċi b’mod sinifikanti.