Min ippropona lil Bernard Grech sabiex joħroġ bil-proposta li sabiex tiżviluppa f’art ODZ trid tgħaddi biż-żewġ terzi mill-Parlament huwa idjota inkompetenti.
Hekk kiteb l-eks Ministru Nazzjonalista, il-Perit Michael Falzon fuq il-gazzetta MaltaToday.
Falzon qal ukoll li l-Membri Parlamentari jiddeċiedu fuq żvilupp fuq art verġni hija xi ħaġa assurda għaliex il-politiċi mhumiex nies tekniċi.
F’artiklu li fih innota n-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-Kap Bernard Grech, Michael Falzon li jitkellem ħafna fuq is-suġġett tal-ippjanar, qal kif dawk li qed jagħtu l-pariri lil Bernard Grech ma jafux x’inhu jiġri madwarhom.
Wara din il-proposta, l-istrateġista ta’ Bernard Grech, Chris Peregin mar jipprova jbenġilha fuq Facebook, hekk kif qal li dak li qal Grech huwa sabiex iqajjem diskussjoni dwar is-suġġett.
Iżda Bernard Grech qal li din hija wegħda elettorali, kif innota Falzon.
Michael Falzon qal kif il-Partit Nazzjonalista għandu jikkonsulta ma’ nies serji dwar kwistoni bħal din.
Intant anki l-editorjal tal-istess gazzetta MaltaToday qal kif din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista tqajjem iżjed mistoqsijiet milli tagħti r-risposti.
L-editur tal-MaltaToday Matthew Vella nnota li skont Bernard Grech, se jkun il-Partit Nazzjonalista li jiddetermina liema huma proġetti nazzjonali li jitilgħu quddiem il-Parlament.
Hawnhekk intqal li l-Parlament għandu jsaħħaħ l-indipendenza tal-Awtoritajiet regolatorji bħal ma hi l-Awtorità tal-Ippjanar flok jieħdilhom posthom, kif irid il-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-editorjal tal-MaltaToday qal kif il-partit ta’ Bernard Grech għamel żball kardinali ieħor, dak li jibqa’ jżomm mal-Pjanijiet Lokali tal-2006.
L-editorjal għalaq billi qal li jekk l-Oppożizzjoni trid li l-kredenzjali tagħha fuq l-ambjent ikunu kredibbli u emmnuti, il-partit ta’ Bernard Grech irid jiġi bi proposti loġiċi u prattiċi, li sa issa ma għamilx.