Dalgħodu raġel ta’ 43 sena tilef ħajtu fuq il-post tax-xogħol, dan huwa l-ħames inċident fatali fuq il-post tax-xogħol, li minnhom tnejn kienu fis-settur tal-kostruzzjoni.
Fi stqarrija l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) stqarret li ma tistax tidħol fil-mertu ta’ dan l-aħħar inċident peress li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin kemm min-naħa tal-OHSA stess kif ukoll permezz ta’ inkjesta maġisterjali. Iżda l-Awtoritá spjegat li dan l-inċident bħal oħrajn qablu, juru li l-perikli ma jinstabux biss fis-settur tal-kostruzzjoni iżda f’kull post tax-xogħol.
L-OHSA appellat biex is-saħħa u s-sigurtá jingħataw l-importanza meħtieġa – “kemm min iħaddem, mill-ħaddiema kif ukoll min jaħdem għal rasu.”
L-Awtoritá appellat ukoll biex kull post tax-xogħol, kif mitlub bil-liġi, jagħmel evalwazzjoni tar-riskju li jkun ikopri l-perikli kollha li jkun hemm fuq il-post tax-xogħol partikolari. L-OHSA spjegat li jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri kollha ta’ prevenzjoni u protezzjoni adegwata.
“Huwa biss jekk kulħadd jibda’ jpoġġi s-saħħa u s-sigurtà fuq nett tal-aġenda tagħhom li jkollna postijiet tax-xogħol siguri u li jġibu ‘l quddiem is-saħħa.”