Għall-ħames sena konsekuttiva, il-pensjonanti kollha se jgawdu minn żieda fil-pensjoni/ Din id-darba b’sebgħa ewro oħra fil-ġimgħa.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fid-diskors tal-baġit għas-sena d-dieħla. Qal li minn din il-miżura se jgawdu l-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali, jiġifieri tal-irtirar, ir-romol, tal-invalidità u dawk li jirċievu l-pensjoni tal-età.
Qal li din il-miżura se tkun ta’ tliet ewro u wieħed u ħamsin ċenteżmu fil-ġimgħa li tiżboq dik maħsuba biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja biex b’kollox l-anzjani se jiżdiedu total ta’ tliet mija u erbgħa u sittin ewro fis-sena.
Il-Ministru Scicluna qal din il-miżura se tiswa aktar minn sittax-il miljun ewro, nefqa li ma tinkludix iż-żieda tal-għoli tal-ħajja u se jgawdu minnha madwar 92 elf pensjonant.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Scicluna ħabbar ukoll titjib fil-pensjoni tal-invalidità u titjib fil-ħlas tal-għajnuna supplimentari lil sittax-il elf anzjan u anzjana ta’ 65 sena u akbar li jkunu f’riskju ta’ faqar/ Il-benefiċċju se jiżdied b’ħamsin ewro għal mija u ħamsin ewro fis-sena.
Minbarra dan il-pensjonanti se jingħataw tnaqqis mit-taxxa fuq id-dul mill-pensjoni ta’ kważi tlettax-il ef u tmien mitt ewro fl-2020. Fil-każ ta’ koppji miżżewġin se jiżdied għall-elfejn oħra, jiġifieri ma jħallsux taxxa fuq l-ewwel ħmistax-il elf u tmien mitt ewro.
Il-baġit għas-sena d-dieħla jaħseb ukoll għall-persuni li rtiraw mill-forzi dixxiplinati u jintroduċi miżura ġdida li tolqot lil dawk fis-servizz jew fis-settur pubbliku li minkejja li kellhom bolol biżżejjed jirtiraw ta’ 61 sena u għażlu li jkomplu jaħdmu bla ma ħadu l-pensjoni għal mill-inqas sena. B’din il-miżura mhux se jitilfu ż-żidiet perċentwali li akkumulaw f’das-snin għax minn Jannar se jkollhom ir-rata aġġustata biex tirrifletti ż-żidiet akkumulati.
Il-Professur Scicluna ħabbar żieda ta’ mitejn oħra fl-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jitnaqqas mill-pensjoni tas-sigurtà soċjali biex issa somma eżentata telgħet għal 2,666.
Is-sena d-dieħla, il-Gvern se jerġa’ jagħti tlett mitt ewro lil tletin elf anzjan li għalqu 75 sena li għadhom jgħixu f’darhom u għall-ewwel darba dawk li laħqu tmenin sena se jaraw żieda ta’ ħamsin ewro oħra.
Għall-ewwel darba wkoll din l-għotja se tingħata lil dawk l-anzjani li minn buthom qed jgħixu fi djar residenzjali għall-anzjani.
Mis-sena d-dieħla wkoll, il-bonus li beda jingħata lil dawk il-persuni li ma ħallsux biżżejjed bolol għall-pensjoni se jibqa’ jingħata wkoll meta l-anzjani jagħlqu l-ħamsa u sebgħin sena. Miżura li se jgawdu minnha sittax-il elf u ħames mitt anzjan.
Il-baġit jaħseb ukoll li ma jibqax jippenalizza lir-romol li jaħdmu.
Il-Ministru għall-Finanzi alloka tlettax-il miljun ewro biex ikomplu jiġu indirizzati l-inġustizzji tal-imgħoddi u li minnhom se jibbenefikaw tmint elef ruħ jew werrieta tagħhom.
Wara s-suċċess tal-bonds għall-anzjani fl-aħħar tliet snin snin, il-Ministru Scicluna ħabbar li se jerġgħu jinħarġu bonds simili matul is-sena d-dieħla li minnhom mistennija jgawdu mas-sitt elef u tlett mitt anzjan.