Il-Gwerra fil-peniżola Koreana se tintemm formalment iżjed tard din is-sena. Din id-deċiżjoni ittieħdet fi tmiem summit storiku bejn iż-żewġ Korej.
Il-President tal-Korea ta’ Isfel Moon Jae-in u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un, iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Panmunjom għall-Paċi, Prosperità u Unifikazzjoni fil-Peniżola Koreana fuq il-linja tal-fruntiera li sseparat iż-żewġ pajjiżi għal iżjed minn sittin sena.
Din l-aħbar, li seħħet wara ġurnata twila ta’ laqgħat u diskussjoni privata ta’ 30 minuta bejn iż-żewġ mexxejja, tista ġġib fi tmiema wieħed mill-itwal kunflitti fid-dinja preżenti.
Il-gwerra bejn iż-żewġ pajjiżi faqqgħet fl-1950 meta l-Korea ta’ Fuq invadiet il-Korea ta’ Isfel. Għalkemm il-kunflitt intemm tliet snin wara, qatt ma ġie ffirmat trattat ta’ paċi allura teknikament il-gwerra bejn iż-żewġ Korej għada għaddejja.
Id-dikjarazzjoni ħabbret ukoll li l-President Moon se jivvjaġġa sal-Kaptali Nord-Koreana Pyongyang iżjed tard din is-sena.