Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet fi ħdan il-Parlament Ewropew laqa’ l-petizzjoni mressqa mill-MPE Laburista Alex Agius Saliba li titlob sabiex il-Kummisjoni Ewropea tinvestiga jekk monopolji de-facto humiex qed iwasslu għal prezzijiet artifiċjalment ogħla fis-settur tal-ikel f’Malta.
Il-petizzjoni ta’ Agius Saliba ġiet approvata mill-gruppi kollha fil-Parlament.
MEP Agius Saliba nieda kampanja sabiex jagħmel pressjoni fuq l-istituzzjonijiet Ewropej wara li tgħarrex il-fatti li kienu qed iwasslu għal żidiet fil-prezzijiet u sar konxju ta’ prattiċċi abbużivi u potenzjalment illegali mħaddna minn operaturi ewlenija fis-settur.
L-MPE ġie mfaħħar minn bosta għal dan l-aġir kuraġġuż. Diversi distributuri qablu li jnaqqsu l-prezzijiet bi 15% u jiffirżawhom għal-disgħa xhur permezz ta’ inizjattiva volontarja mmexxija mill-Gvern Malti. Kelliema tal-Partit Nazzjonalista u rappreżentati tal-importaturi tal-ikel ippruvaw jirredikolaw u jxejnu x-xogħol imwettaq minn Agius Saliba iżda fl-aħħar mill-aħħar ma rnexxielhomx iwaqqfu l-kampanja tiegħu.
Il-prezzijiet tal-ikel ogħlew b’mod sostanzjali f’dawn l-aħħar snin. Għalkemm iż-żieda kienet parzjalment dovuta għal fatturi esterni bħal COVID, l-aggressjoni tar-Russja fl-Ukranja u diffikultajiet fil-katina ta’ distribuzzjoni, l-inflazzjoni f’Malta kienet ogħla minn dik sofruta f’pajjiżi oħra. F’Diċembru li għadda, r-rata tal-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel kienet tammonta għal 10% filwaqt li l-medja fl-Unjoni Ewropeja kienet ta’ 6%. Il-flatt li Malta hija gżira żgħira b’suq limitat flimkien mal-fatt li l-katini ta’ distribuzzjoni u l-prattiċi u t-tradizzjonijiet tal-kummerċ ilhom stabbiliti żmien jagħmlu lil Malta suxxettibli għal ħolqien ta’ monopolji de-facto. L-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti sabiex jiġi manipulat is-suq huwa vjolazzjoni ta’ Artiklu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, magħruf ukoll bħala l-liġi tal-antitrust, u l-Kummissjoni Ewropea għandha l-poter li tinvestiga abbużi u tagħti multi għal nuqqasijiet.
Alex Agius Saliba laqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-Parlament għal ħidma tiegħu sabiex jiżgura li l-operaturi ewlenija fis-suq tal-ikel jinżammu responsabbli ta’ egħmilhom u spjega l-ħidma tiegħu. L-MPE Laburista stqarr “Id-deċiżjoni tal-Parlament hija l-ewwel pass tanġibbli f’din l-isfida. Se nkompli naħdem fuq din il-kwistjoni, nkluż fil-leġislatura li jmiss, sabiex il-Kummissjoni Ewropea twettaq il-mandat tagħha u taħdem fl-aħjar interess tal-konsumaturi Maltin, speċjalment dawk l-iżjed vulnerabbli fostna. Il-prezzijiet tal-ikel jolqtu l-konsumaturi kollha b’mod ugwali irrispettivament mis-saħħa tal-but tagħhom.”