Il-Parlament Ewropew approva dak li l-Gvern Malti implimenta bħala qafas regolatorju sitt snin ilu fil-qasam tal-blockchain u l-crypto currency fost oħrajn.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri li ma’ One News spjega kif din l-istituzzjoni Ewropea approvat il-leġiżlazzjoni magħrufa bħala ‘Marketing in Crypto-Assets’ jew aħjar bħala ‘MiCa’ u li eventwalment se tiġi regolament madwar il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Schembri qal “Din hija bażikament identika eżatt dak li aħna għamilna sitt snin ilu, fejn jidħol il-qasam tal-blockchain, crypto currency u virtual financial assets. Dak li aħna konna waqqafna bħala VFA Act u allura kellek eventwalment kumpaniji li applikaw għall-proċess, li jieħu numru ta’ snin biex inti ġġib il-liċenzja għax huwa qafas regolatorju iebes u b’saħħtu ħafna, tant kemm huwa serja li dan il-qafas issa ġie applikat madwar il-pajjiżi kollha tal-UE.”
Il-Ministru Schembri spjega kif fil-bidu, partikolarment fuq livell Ewropew, Malta kienet waħda mill-unika vuċijiet li tkellmet dwar ir-regolamentazzjoni ta’ dan il-qasam, biex issa il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea se jmorru fl-istess triq.
Huwa kompla jgħid “Min diġà mexa b’dan il-proċess u għandu l-liċenzja Maltija issa bi ftit tibdiliet żgħar ħafna ikun jista’ jopera madwar il-pajjiżi kollha tal-UE, u allura tieħu pjaċir li l-viżjoni li kellna u għadna bħala gvern f’setturi innovattivi ġodda bħal dan is-settur – minkejja li kien hemm min qalilna ħafna affarijiet li ma nafux x’qed nagħmlu, li se nkissru l-pajjiż u li għandna żgħar fl-affarijiet – illum il-ġurnata dak li għamilna sitt snin ilu qiegħed isir madwar il-pajjiżi kollha tal-UE u f’Lulju tas-sena d-dieħla mistennija tidħol liġi li tiġi transposed minn kull pajjiż.”
Hawn ġie spjegat kif mill-bidu nett Malta aġixxiet b’serjetà kbira fil-proċess sabiex wieħed ikun jista’ jikseb il-liċenzja, u għalhekk illum għandek bosta kumpaniji fis-settur li qed joperaw bl-aktar mod serju u konformi mal-liġi.
Il-Ministru tenna kif għal darb’oħra, Malta qed tkun mudell ideali għal pajjiżi oħra u fl-istess ħin toffri serħan il-moħħ lill-qasam.
Huwa saħaq “Il-kumpaniji jħarsu lejn pajjiżna bħala dak il-pajjiż li huwa avant garde, li huwa pajjiż li jabbraċċa t-teknoloġija, li jaf li għandu viżjoni ’l quddiem u li allura jkun f’pożizzjoni li jista’ jipprepara l-pajjiż anke fuq livell ta’ regolamentazzjoni fuq dak li għandha bżonn l-industrija u dik iva hija xi ħaġa li tagħti serħan il-moħħ speċjalment lill-ekonomija diġitali.”
Il-fatt li Malta diġà għandha sitt snin ta’ esperjenza u b’qafas regolatorju ferm b’saħħtu, kumpaniji prospettivi u oħrajn diġà stabbiliti fil-qasam se jħarsu lejn pajjiżna bħala l-post fejn joperaw jew ikabbru l-operat tagħhom.
Fatt li se jkompli jsaħħaħ l-ekonomija Maltija u anke joħloq aktar impjiegi ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin.