F’podcast minn Strasburgu fl-okkażjoni tas-70 anniversarju tal-Parlament Ewropew, l-eks Prim Ministru Alfred Sant enfasizza kif il-parlament għadda minn bidliet importanti sa mill-bidu tat-twaqqif tiegħu fl-1952. Huwa nnota li kuntrarjament għall-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (ECSC) li kienet tinkludi membri parlamentari maħtura mill-parlamenti nazzjonali ta’ kull Stat Membru, il-Parlament Ewropew illum għandu aktar minn 700 membru li huma eletti direttament minn kull Stat Membru kull ħames snin.
Il-Membri Paralmentari Ewropej fakkru l-ħolqien tal-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar fl-1952. Fl-1958, wara l-ħolqien tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar ġiet imkabbra u ssemmiet mill-ġdid l-“Assemblea Parlamentari Ewropea”. Fl-1962, ħadet l-isem ta’ “Parlament Ewropew”.
Alfred Sant sostna li waħda mill-aktar bidliet profondi li għadda minnhom il-Parlament Ewropew fl-aħħar 70 sena kienet iż-żieda gradwali fil-poteri tiegħu, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ setgħat leġiżlattivi u baġitarji sostanzjali. Madanakollu, huwa saħaq li kif inhi s-sitwazzjoni attwali l-aktar poteri importanti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea għadhom f’idejn il-Kunsill tal-Ministri. Ħafna Membri Parlamentari jridu li l-Parlament Ewropew ikollu firxa akbar ta’ poteri permezz ta’ reviżjoni tat-trattati tal-Unjoni Ewropea, huwa żied jgħid. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-Istati Membri Ewropej ma jaqblux ma dan. Il-Membri Parlamentari Ewropej għadhom meqjusa li jaġixxu bħala parti mill-bużżieqa ta’ Brussell, li żżommhom ‘il bogħod mir-realtà li qed jiffaċċjaw iċ-ċittadini Ewropej.
Il-Membru Parlamentari Laburista nnota li waqt iċ-ċerimonja saret ħafna enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-valuri demokratiċi Ewropej iżda ftit saret referenza għal kif u jekk il-Parlament Ewropew iħossux qrib biżżejjed taċ-ċittadini Ewropej. Madanakollu, Sant saħaq li meta mqabbel ma’ istituzzjonijiet oħra Ewropej, fis-70 sena kemm ilhom jeżistu l-istituzzjonijiet, il-Parlament Ewropew illum jista’ jitqies bħala l-aktar esponent effettiv tas-setgħa ta’ persważjoni li għandha l-Unjoni Ewropea fost in-nazzjonijiet.