Il-Partit Demokratiku jinsab bla Kap.
Dan wara li fuq Facebook Marlene Farrugia ħabbret li rriżenjat minn Kap b’mod immedjat anki jekk huwa mistenni li l-Kap l-ġdid jinħatar f’Ottubru.
Dan ifisser li nħoloq vojt u għal kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista li għandu Kap caretaker, il-Partit Demokratiku jinsab bla Kap.
Għal kariga ta’ Kap tal-Partit Demokratiku sa issa ħareġ Anthony Buttigieg li aktar qabel kien irriżenja minn Viċi-Kap tal-Partit wara li ma qabilx ma’ Marlene Farrugia li kienet qed ittella’ u tniżżel tikkontestax l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan għax fi kliem Marlene Farrugia, l-erba’ kontestanti għal Kap Nazzjonalista huma non-starters.
Intant fl-elezzjoni għal Kap kien interessat is-sieħeb ta’ Marlene Farrugia.
Godfrey Farrugia li għal bidu ħalla ‘l bieb miftuħ għal ogħla kariga tal-Partit Demokratiku iżda wara li Buttigieg qal li jekk dan jikkontesta jkun qed jagħmel disservizz, Farrugia ċeda l-armi.
B’Marlene Farrugia tirriżenja minn Kap jidher li xorta se tibqa’ involuta ferm hekk kif stqarret li biex wieħed ikun eliġibbli li jagħżel il-Kap tal-Partit Demokratiku jrid ikun mar tal-inqas żewġ get-togethers li torganizza hi f’waħda mill-propjetajiet tagħha.