- Tnaqqis ta’ 99% fin-numru ta’ pazjenti li jingħataw kura fil-kurituri
Mill-2012 sal-lum ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 99% fin-numru ta’ pazjenti li jingħataw kura fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei, ħabbar il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar Mater Dei.
“Kien hemm total ta’ 8,118 pazjent li ngħataw kura f’kuritur matul l-2012, filwaqt li matul l-aħħar tnax-il xahar kien hemm biss erba’ ljieli li matulhom kien hemm bżonn jinfetħu l-kurituri biex jinżammu l-pazjenti. Matul dawn l-erba’ ljieli kien hemm total ta’ 82 pazjent li ngħataw kura f’kuritur – 15 f’Ottubru u 67 f’Jannar”, qal il-Ministru Chris Fearne.
Il-Ministru għas-Saħħa żied li matul l-aħħar snin sar ħafna xogħol biex tittaffa u tissolva l-problema ta’ pazjenti fil-kurituri, saħansitra nfetħu żewġ swali ġodda – il-Medical Assessment Unit 1 u 2. Infetaħ ukoll hospitality lounge fejn il-pazjenti liċenzjati mill-isptar ikunu jistgħu jistennew lil qrabathom jiġu lura għalihom.
“Sar ukoll xogħol estensiv fl-Emerġenza biex b’hekk sar possibbli li dan id-dipartiment ikun jista’ jaqdi aktar pazjenti, u żdied ukoll b’mod sostanzjali n-numru ta’ tobba u ta’ infermiera f’dan id-dipartiment”, qal il-Ministru.
Il-Ministru sostna li l-mira għax-xhur li ġejjin hi li ma jkun hemm l-ebda pazjent li jingħata kura f’kuritur u b’hekk din il-problema tkun solvuta mija fil-mija.