Rainbow Ward fiċ-ċentru tal-Onkoloġija fl-isptar Mater Dei issa għandha play area l-ġmiel tagħha biex it-tfal li qed jingħataw il-kura f’din il-ward ikunu jistgħu joħorġu f’din iż-żona tal-isptar biex jieħdu ftit pjaċir mal-qraba u ħbieb tagħhom. Din il-play area, li ġiet deskritta bħala state of the art, saret mill-Fondazzjoni RE/MAX & Friends f’isem Puttinu Cares. Proġett li ġie inawgurat mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.
Dan il-proġett kien f’moħħ il-volontiera ta’ Puttinu Cares għal snin twal, bl-għan ewlieni tagħhom ikun li s-sala tkun aktar akkoljenti għat-tfal. Dan biex l-atmosfera tal-isptar tnessihom ftit mid-dwejjaq li jġib miegħu t-trattament tal-kanċer. Din il-play area saret f’bitħa u kamra li kien hemm diġà f’Rainbow Ward u li issa se jkollha użu biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jaqtgħu x-xewqa tagħhom li bħal tfal oħra jilgħabu u jgawdu l-familja tagħhom.
Ir-relazzjoni bejn din il-fondazzjoni u Puttinu Cares mistennija tkompli tħalli l-frott. Illum, Puttinu Cares kiber ħafna għax qed tingħata għajnuna lill-adulti ukoll u kull xahar qed jitilgħu l-Ingilterra għall-kura madwar 60 u 90 pazjent. Għalhekk, bħalissa għaddejjin laqgħat bejn Puttinu Cares u l-management biex flimkien ikunu jistgħu jkomplu joffru s-sapport lill-pazjenti.