L-għoti tad-demm huwa att ta’ solidarjetà. Kull min jagħti d-demm, jagħmel dan bi prinċipju ta’ altruiżmu u karità lejn ħaddieħor.
Kull wieħed u waħda minna għandna nagħmlu kull sforz possibbli, tul is-sena kollha, ħalli dejjem ikun hawn ir-riserva adegwata ta’ demm u l-prodotti oħrajn li joħorġu minnu.
ONE News żar iċ-Ċentru għall-għoti tad-demm fi Gwardamanġa, fejn rajna l-ħidma li ssir ta’ kuljum favur il-pazjent li, ċertament, jekk ikollu bżonn id-demm, ma jistax jistenna.
Iltqajna ma’ Brian Camilleri li llum inżerta kien qed jagħti l-erbgħin għotja tiegħu tad-demm. Huwa spjegalna li, ħmistax-il sena ilu, minkejja li kien jibża’ mil-labra, għamel il-kuraġġ u ta d-demm għall-ewwel darba.
Camilleri qal, “Nagħti kuraġġ lil dawk li jibżgħu. Jiena wieħed minn dawk li nibża’ ħafna, speċjalment mil-labra, imma meta nikkonsidra dawk il-persuni li tant għandhom bżonn id-demm, ninsa lili nnifsi, allura nagħmel kuraġġ sabiex jien ngħinhom kif nista’.”
Intant, esperjenza li għaddiet minnha meta kienet iżgħar, ħeġġet lil kantanta Fiona Cauchi biex tibda tagħti d-demm.
Cauchi stqarret, “Jien għalija hija xi ħaġa importanti ħafna li tagħti d-demm. Il-mamà tiegħi fl-1992 għamlet mastectomy, kellha bżonn id-demm. Kieku ma kienx hemm min jagħtiha d-demm mhux qiegħda magħna llum. Għalija dak huwa sforz biżżejjed biex nagħti d-demm.”
L-Isqof Awżiljarju Monsinjur Joseph Galea Curmi, li jagħti d-demm b’mod regolari, għadda messaġġ ta’ kuraġġ.
Qal, “Il-motto tiegħi huwa: ngħożżu l-ħajja bl-imħabba. Għalhekk inħeġġeġ ħafna lil kull min jista’ biex jagħti d-demm. Meta tagħti d-demm, qed tgħin lil ħaddieħor jgħix, qed tgħożż il-ħajja bl-imħabba.”
Fl-okkażjoni tal-erbatax ta’ Ġunju, li huwa l-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, tkellimna mad-direttur għas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfuzzjoni tad-Demm, Monique Debattista, li l-kumment tagħha kien wieħed ta’ gratitudni.
Debattista stqarret, “Il-messaġġ tagħna dejjem jibqa’ l-istess: dejjem nappellaw biex in-nies jersqu lejna biex jagħu d-demm. Min-naħa l-oħra qed niċċelebraw il-Jum Dinji tad-Donaturi, u hija xi ħaġa sabiħa li nuru rikonoxximent li dawk kollha li kienu, għadhom, u jibqgħu jagħtu b’mod regolari.”