“Il-patteġjamenti li jiġu deċiżi jgħinu ħafna lill-Qrati Maltin u l-familji tal-vittmi jkunu jistgħu jagħlqu kapitlu ta’ feriti li ġarrbu f’ħajjithom.”
Dan iddikjarah l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi ma’ ONE News fi sfond tat-tliet patteġjamenti li ġew deċiżi mill-Qorti fl-aħħar ġimagħtejn.
Dawn l-iżviluppi sinifikanti li seħħew jinvolvu tliet akkużati fosthom Jeremie Camilleri li ammetta li qatel lil Pelin Kaya, kiesaħ u biered fit-18 ta’ Jannar ta’ 2023, Jesper Kristiansen fejn ammetta li kien involut fil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski f’darhom Tas-Sliema fl-2018 u Elliot Paul Busuttil li ammetta li qatel lil Mario Farrugia ta’ tnejn u sittin sena f’Ħal Qormi f’April ta’ sentejn ilu.
L-Imħallef Mizzi li llum jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju għal-Liġijiet, spjega li patteġjament ifisser li l-Prosekuzzjoni jiġifieri l-Avukati Ġenerali u l-Avukati Difensuri jiftiehmu fuq piena adekwata għall-akkużat.
Tenna li matul iż-żmien saret evoluzzjoni fid-drittijiet tal-qraba tal-vittmi. Qal li llum-il ġurnata il-qraba jkunu infurmati dwar l-iżviluppi li jipproċedu dwar il-każ, xi ħaġa li żmien ilu ma kinitx issir.
“Illum il-familjari tal-vittma huma involuti f’dan il-proċess u huma informati u sa ċertu punt għandhom ftit ta’ bearing fuq l-avukat ġenerali x’għandu jitlob jew ma jitlobx.”
Intant, l-Imħallef Mizzi indirizza argumenti fejn jintqal li meta fil-Qorti jiġi deċiż patteġjament, l-akkużat ikun se jingħata piena inqas minn dak mistenni. Huwa rrimarka li din hija biss perċezzjoni żbaljata għaliex kull patteġjament li qatt ngħata, dejjem qabeż il-ħamsa u tletin sena ħabs.
“Dak hija litteralment il-grad inqas mill-għomor u ma naħsibx li wieħed li jgħaddi erbgħin sena ħabs huwa eżattament a joy ride.”
Mal-Imħallef Mizzi tkellimna dwar kif il-proċess ġudizzjarju ta’ Malta jibbenefika bil-bosta meta jiġi deċiż patteġjament hekk kif dan jassigura li l-kors tal-ġustizzja ikun wieħed aktar effettiv u effiċjenti. Aċċenna li bis-saħħa t’hekk il-Qorti tiffranka l-ħin, il-flus, l-ispazju u n-nies involuti fil-perkors tal-ġudikatura.
“Flus veru l-istat jiffranka l-flus għax mgħandux għalfejn jagħmel ġuri u nieqfu hawnhekk. Però l-iktar ħaġa importanti hija l-ammont ta’ ħin. Il-Qrati jiffrankaw il-ħin, il-Qrati jneħħu mill-backlog enormi li għandhom. Ma ninsewx li għalkemm hemm tliet Imħallfin tal-Kriminal li jagħmlu ġurijet eċċetra, però l-ispazju huwa ridott ħafna. Huwa veru wkoll li se tiżdied awla oħra.”
Però lil hinn minn dan, l-Imħallef Mizzi tenna li l-qraba tal-vittmi huma esposti għal trawma kostanti, minn meta beda l-każ, sakemm jinstab l-akkużat u fl-aħħar mill-aħħar ssir ġustizzja. Huwa għalhekk li dawn il-patteġjamenti huma sostanzjali biex jgħinu l-każ jingħalaq u l-qraba tal-vittmi ma jibqgħux jgħixu f’bozza u jimxu ‘l quddiem.
“Dawn il-patteġjameti jgħinu li l-każ jingħalaq għalihom u l-familja tqiegħed warajha t-trawma li għaddiet u li qed tgħix. Għax inti trid tagħmel il-patteġjament li jieħu ftit xhur, paragunat ma’ każijiet li jridu jmorru ġuri, dawn jgħaddu s-snin, snin kbar ta’ tensjoni ta’ dawn il-familji li ma jafux eżattament x’se jiġri u ma jiġrix. Il-ħajja hija magħmula minn sitwazzjoni li inti trid tagħlaq u timxi ‘l quddiem.”