Partijiet mill-ftehim dwar l-immigrazzjoni bejn il-Turkija u l-Unjoni Ewropea ġew sospiżi hekk kif numru ta’ Pulizija u uffiċjali Torok tneħħew minn posthom fil-gżejjer Griegi.
Isostni dan Vincent Cochetel, id-direttur tal-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-Ewropa, li nnota kif wara l-kolp ta’ stat li falla fit-Turkija, Pulizija Torok stazzjonati l-Greċja għall-missjoni ta’ kontroll tal-migrazzjoni, issejħu lura pajjiżhom.
Il-ftehim bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea intlaħaq f’Marzu biex jikkontrolla l-migrazzjoni lejn l-Ewropa, permezz tad-deportazzjoni lura lejn it-Turkija ta’ dawn l-immigranti. Ftehim li bih it-Turkija kienet imwiegħda sitt biljun ewro biljun fost benefiċċji oħra.
Politikanti Ewropej diġà kienu wrew tħassib li n-negozjati setgħu jfallu minħabba l-liberalizzazzjoni tal-visas, għalkemm issa, it-tluq t’uffiċjali Torok mill-Greċja, effettivament issospenda aspetti mill-ftehim. Cochetel isostni li biex iseħħu deportazzjonijiet lejn it-Turkija, flimkien mal-Uffiċjali ta’ Frontex u l-Pulizija Griega tinħtieġ il-preżenza tal-pulizija Torka, li kuntatti magħhom qed iwasslu biss f’dati dejjem jinbidlu għall-bidu mill-ġdid tal-koperazjoni.