Fi stqarrija mibgħuta lill-midja, l-Għaqda Festi Esterni Ssma. Trinità Marsa, qalet li b’dispjaċir tirreferi għall-ittra ġudizzjarja datata l-10 ta’ Jannar 2025, fejn ir-Reverendu Patri Ivan Scicluna O.F.M. Cap., fil-kariga tiegħu bħala Ministru Provinċjal tal-Aħwa Minuri Franġiskani Kappuċċini, qed jitlob lill-għaqda biex tiżgombra minn Jhansi Hall fi żmien xahar.
Huma saħqu li dan il-post beda jintuża mill-għaqda 40 sena ilu biex jospita l-armar tal-festa tas-Santissima Trinità.
Intqal li, kienu l-Aħwa Minuri Franġiskani Kappuċċini stess li, wara li xtaqu li l-armar tal-festa ma jibqax jinżamm fil-kunvent tagħhom, offrew dan il-post biex fih jinżamm l-armar tal-festa u ssir il-manutenzjoni meħtieġa.
Għalkemm fl-aħħar snin l-Għaqda ħadet ħsieb li jkollha maħżen ieħor fejn tinżamm parti mill-armar, tennew li Jhansi Hall jibqa’ kruċjali għall-ħidma tagħhom, fejn minn dan il-post, l-għaqda mhux biss iżżomm l-armar, iżda tagħmel ukoll il-manutenzjoni fuq l-opri tal-armar.
B’dispjaċir ninnutaw li jekk ir-Reverendu Patri Ivan Scicluna O.F.M. Cap., bħala Ministru Provinċjal, ser jibqa’ jinsisti li niżgumbraw minn Jhansi Hall u ser jieħu azzjoni ulterjuri bil-Qorti, kif indikat fl-ittra ġudizzjarja, dan mhux biss se jimmina ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa esterna tasSantissima Trinità, iżda wkoll se jġiegħel lill-Għaqda tagħna tiddisponi minn armar storiku u artistiku, minħabba nuqqas ta’ spazju alternattiv fejn dan l-armar jista’ jinżamm u ssir ilmanutenzjoni tiegħu.
L-Għaqda Festi Esterni Ssma. Trinità Marsa
Fakkru kif dan l-armar inħoloq minn volontarjat, minn fondi miġbura mill-membri tal-Għaqda u mill-poplu Marsi, u dejjem intuża għall-festa tas-Santissima Trinità b’kollaborazzjoni sħiħa mal-parroċċa mmexxija mill-istess Aħwa Minuri Franġiskani Kappuċċini.
Filwaqt li l-Għaqda affermat l-impenn tagħhom lejn il-festa tas-Santissima Trinità, ilParroċċa u l-poplu Marsi, talbet l-għajnuna tal-poplu tal-Marsa f’dan iż-żmien diffiċli, partikolarment hekk kif qed jiġi ċċelebrat il-50 sena mit-twaqqif tal-Għaqda.
L-Għaqda appellat lir-Reverendu Patri Ivan Scicluna O.F.M. Cap., Ministru Provinċjal, biex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu għal ġid tal-festa tas-Santissima Trinità u l-poplu tal-Marsa li, bl-għotjiet tiegħu, kien strumentali fil-bini tal-istess Jhansi Hall.