Skiet taqtgħu b’sikkina għajr għad-daqqa tal-imrietel iħabbtu mal-injam f’ħoss sinonimu ma’ luttu.
ONE News żar il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġieżu fir-Rabat, li minnha ħarġet l-ewwel purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’pajjiżna.
Ir-Rettur tal-Arċikonfraternità tar-Rabat tal-Imdina Anthony Casha spjega li d-devozzjoni lejn il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu, ħadet spinta ’l quddiem mal-wasla tal-Patrijiet Franġiskani Minuri f’Malta, li magħhom ingħaqdu l-Arċikonfraternità ta’ San Gużepp li ħadu f’idejhom l-organizzazzjoni tal-purċissjoni.
Qal, “L-ewwel purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta. Hemm referenza għaliha fis-sinodu fl-elf ħames mija wieħed u disgħin fejn għandek purċissjoni tar-Rabat hija purċissjoni antika.”
Jeremy Debono, mill-Kummissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, spjega li l-vari li jintużaw għall-purċissjoni ma ntramawx imma baqgħu jinżammu fin-niċeċ tagħhom.
B’kollox fir-Rabat hemm għaxar vari, li huma taħlita ta’ xogħol antik u anki riċenti, bħalma hija l-vara tal-għaxar stazzjon li hi unika fil-ġżejjer Maltin.
Spjega, “Sal-elf disa’ mija erbgħa u tmenin, nistgħu ngħidu li ingħalaq u huwa sett li naraw illum fil-purċissjoni tar-Rabat.”
It-tama fost l-eluf ta’ dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira hija li dan iż-żmien jgħaddi u s-sena d-dieħla titfakkar il-passjoni ta’ Kristu bid-diversi tradizzjonijiet li aħna l-Maltin magħrufin għalihom, b’mod partikolari l-purċissjonijiet bil-vari fit-toroq ta’ pajjiżna.