Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, il-passiġġieri li qasmu bejn Malta u Għawdex żdiedu b’aktar minn kwart ta’ miljun, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Dan hekk kif sal-aħħar ta’ Settembru li għadda dawk li qasmu bejn Malta u Għawdex kienu jgħoddu għal aktar minn ħames miljun u mitejn elf passiġġier. Fl-istess perjodu s-sena l-oħra kienu qasmu ftit inqas minn ħames miljun passiġġier.
L-aktar kwart bieżel fuq il-fliegu jirriżulta li kien bejn Lulju u Settembru, għalkemm dan naqas bi ftit, b’mija, disgħa u għoxrin passiġġier, meta mqabbel mat-tielet kwart tas-sena l-oħra.
Minkejja dan, kien hemm żidiet qawwija fl-ewwel u t-tieni kwart ta’ din is-sena, indikazzjoni li anke t-turiżmu fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet qed ikun mifrux anke fl-hekk imsejħin “shoulder months”.
Skont l-NSO, anke l-vjaġġi żdiedu wkoll f’dawn l-ewwel disa’ xhur tas-sena.
Bejn Jannar u Settembru li għadda, il-passiġġieri qasmu l-aktar bil-vapuri tal-Gozo Channel, li ġarrew erba’ miljuni u erba’ mitt elf persuna. Waqt li, bil-Gozo Fast Ferry, mill-Port il-Kbir għall-Port tal-Imġarr, Għawdex, qasmu kważi seba’ mija u tletin elf passiġġier.