L-għaxar passiġġieri abbord ajruplan żgħir li ġġarraf f’dar fin-Nofsinhar tal-Brażil inqatlu filwaqt li aktar minn tnax-il persuna fuq l-art indarbu.
L-Aġenzija tad-Difiża Ċivili qalet li l-ajruplan laqat iċ-ċumnija tad-dar u wara t-tieni sular ta’ binja qabel ma kkraxxja f’ħanut li jbiegħ it-telefons ċellulari f’parti residenzjali fl-akwati tal-belt ta’ Gramado.
Aktar minn tnax-il persuna li kienu fuq l-art ittieħdu l-isptar bi ġrieħi li kienu jinkludu respirazzjoni tad-duħħan, iżda hu mifhum li hemm tnejn f’kundizzjoni kritika.
Għadu mhux magħruf x’ikkawża dan l-inċident. Il-midja Brażiljana qalet li l-pilota tal-ajruplan kien Luiz Claudio Galeazzi, negozjant Brażiljan li kien qed jivjaġġa ma’ familtu lejn Sao Paulo.
Fi stqarrija fuq Linkedin, il-kumpanija ta’ Galeazzi, Galeazzi & Associates, ikkonfermat li n-negozjant ta’ 61 sena kien abbord l-ajruplan flimkien ma’ martu, tliet uliedu bniet, diversi membri oħra tal-familja u impjegat.
Kameras tas-siġurtà urew it-tluq tal-ajruplan żgħir Piper mill-ajruport ta’ Canela f’Rio Grande do Sul ftit minuti qabel iġġarraf f’Gramado, li jinsab madwar 10 kilometri ’l bogħod mill-ajruport.
Gramado jinsab fil-muntanji ta’ Serra Guacha u huwa popolari mat-turisti Brażiljani fejn tattirahom il-klima aktar friska, postijiet għall-mixjiet twal u l-arkitettura tradizzjonali. Fis-seklu dsatax dan il-villaġġ kien okkupat minn ħafna immigranti Ġermaniżi u Taljani u huwa post popolari għall-festi tal-Milied.