Il-pass li jmiss biex ikun imħares Ħondoq ir-Rummien hu li ssir bidla fil-liġijiet tal-ippjanar, bil-għan li s-sit pittoresk ikollu protezzjoni permanenti mill-iżvilupp. Fuq hekk jistgħu jinbdew passi oħra.
Dan ingħad fi stqarrija maħruġa llum mill-Partit Laburista li qal li s-saga Ħondoq ir-Rummien bdiet mal-mument li Guido De Marco, bħala President tar-Repubblika, kien iffirma biex iż-żona tittieħed lura mill-privat, għax sa dakinhar din kienet f’idejn il-Gvern ta’ Malta.
Minkejja dan, Gvern Nazzjonalista ddeċieda li jagħtiha lura lill-privat, għax tnejn u għoxrin sena ilu kien qal li ma kellux bżonnha u minn hemm bdiet is-saga tal-iżvilupp ta’ Ħondoq.
Il-Partit Laburista kompla li, b’mossa oħra ftit tas-snin wara, l-istess Gvern Nazzjonalista kompla jkun fuq in-naħa tal-iżviluppaturi meta biddel il-pjani lokali u ffaċilita biex iseħħ l-iżvilupp, tant li ddaħħlu applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Issa l-Partit Nazzjonalista jinsab f’paniku, għax il-Gvern Laburista se jkun qed jieħu l-passi biex ebda żvilupp ma jsir fuq din l-art u l-ħarsien mill-iżvilupp jagħmlu wieħed permanenti.
Dan b’ġustizzja ma’ dawk kollha li ħadmu biex Ħondoq ikun protett, inkluż ir-rappreżentanti tal-Partit Laburista li kienu dejjem konsistenti kontra kwalunkwe żvilupp.
L-istqarrija kompliet li dan hu l-pass naturali li jmiss u passi oħrajn jistgħu jibnu fuq dan. Wieħed jittama li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja dawn il-passi u li ma jipprovax ifixkel il-proċess biex jerġa’ jakkomoda lil min ried jiżviluppa Ħondoq, kif għamel ripetutament matul is-snin. Minflok ikun fuq in-naħa tal-poplu, temm jgħid il-Partit Laburista.