Sal-aħħar ta’ din is-sena hu mistenni li kull passaport validu jkun biometriku.
Dan se jagħmilha possibli biex filwaqt li tiżdied is-sigurtà ta’ dan id-dokument tant importanti, iċ-ċittadini Maltin ikunu jistgħu jużaw faċilitajiet awtomatiċi f’diversi ajruporti internazzjonali.
Sal-aħħar tas-sena, Identity Malta se tkun bidlet l-passaporti kollha validi għall-passaporti biometriċi.
Passaport biometriku huwa iktar sigur mid-dokument normali u jintgħaraf permezz ta’ ċippa li tinsab fil-qoxra ta’ wara tal-passaport
Kif jispjega tajjeb Uffiċjal għoli tas-Sezzjoni tal-Passaporti, Jesmond Bugeja passaport bijometriku jagħmilha iktar faċli biex l-individwu jiġi identifikat mill-ewwel.
Bil-passaport biometriku, iċ-ċittadini Maltin se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn faċilitajiet f’ajruporti internazzjonali li jivverifikaw il-passaporti b’mod awtomatiku.
Jesmond Bugeja saħaq kif dan it-tibdil fid-dokument tal-passaport hemm ħafna xogħol warajh.
L-aġenzija għamlet ħidma wkoll biex il-kjuwijiet twal li qabel kienu sinonimi mal-uffiċju tal-passaporti issa tnaqqsu bil-kbir tant li biex wieħed jinqeda issa qed idum biss medja ta’ ħmistax-il minuta.
Dan filwaqt li l-passaport ikun jista’ jinġabar wara erbat ijiem.
Biex tkompli tnaqqas il-ħin ta’ stennija fiż-żmien tas-Sajf l-aġenzija wkoll qed toffri skont t’għaxar ewro fuq kull passaport għal dawk li japplikaw għall-passaport bejn Settembru li ġej sa Marzu tas-sena elfejn u dsatax.