Skont is-sit internazzjonali CNN, il-passaport Malti jinsab mal-iżjed għaxar passaporti b’saħħithom madwar id-dinja għas-sena 2021.
Dan skont indiċi mill-grupp Henley and Partners, li jgħidu kif il-passaport Malti jinsab fit-tmien post hekk kif huwa disponibbli f’184 destinazzjoni madwar id-dinja.
Pajjiżna jinsab post ‘il fuq mill-Kanada u post taħt l-Istati Uniti u r-Renju Unit, ilkoll meqjusa li għandhom passaporti b’saħħithom.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza Alex Muscat qal li din hija ħaġa li tagħmlilna unur.
Huwa spjega: “Turi kemm għandna passaport b’saħħtu. Issa passaport il-għala jkun b’saħħtu? Passaport ikun b’saħħtu primarjament minħabba r-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna. Aħna Malta għandna ħafna arranġamenti bilaterali ma’ ħafna, numru ta’ pajjiżi. Dak tagħmilhom għax tkun pajjiż serju, ikollok reputazzjoni tajba.”
Hawn semma wkoll kif dan inkiseb minkejja kull attakk mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Is-Segretarju Parlamentari Muscat sostna: “Aħna dejjem nagħmlu arranġamenti differenti u speċjali ma’ numru ta’ pajjiżi biex bis-saħħa tal-passaport tagħna nkunu nistgħu nsiefru f’dawn il-pajjiżi mingħajr anke l-bżonn ta’ visas. U dawn it-tip ta’ arranġamenti li jkollna, bħall-arranġamenti ta’ taxxa, dawn it-tip ta’ arrangamenti kollha jwasslu biex il-passaport tagħna jibqa’ tiela’ fil-preġju tiegħu u jibqa’ tiela’ fis-saħħa tiegħu u nerġa’ ngħid dan kollu minkejja l-ħsara kbira illi pruvat issir fuq pajjiżna mill-Oppożizzjoni għax dan kollu sfuma fix-xejn, tant li l-passaport Malti baqa’ jissaħħaħ.”
Fl-ewwel post ta’ dan l-indiċi hemm il-Ġappun, u kien segwit minn Singapore, il-Korea t’Isfel u l-Ġermanja.