Min iġedded jew japplika għall-passaport se jkollu passaport Malti ġdid mill-aktar sigur, bl-aħħar teknoloġija.
Infatti, hemm elementi differenti ta’ sigurtà li huma kemm viżibbli għall-għajnejn u oħrajn li għandek bżonn apparat forensiku biex tivverifika l-awtentiċità tad-dokument.
Il-passaport ġdid Malti daħal fiċ-ċirkolazzjoni u fost it-teknoloġija avvanzata użata hemm għadd ta’ saffi individwali, imwaħħla flimkien taħt pressa u sħana qawwija biex inħolqot din il-karta.
Fost karatteristiċi oħra ta’ sigurtà f’dan id-dokument stampat fl-Ingilterra insibu disinji speċjali u partijiet oħra trasparenti.
Il-Gvern spjega li l-informazzjoni personali ta’ sid il-passaport se tkun imnaqqxa permezz ta’ laser, bil-prodott finali jkun ta’ kwalità mill-aqwa.
Barra minn hekk, hemm il-passaport il-ġdid għandu saff ieħor ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà li huma stampati b’inka sigura u li kienu ddisinjati primarjament għal raġuni ta’ sigurtà aktar milli sempliċiment estetika.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia saħqet li se jkun iktar diffiċli li dan id-dokument tant importanti jiġi falsifikat. Hija spjegat li “huwa fost l-aktar sigur fl-Ewropa. Se nkunu fost l-ewwel fl-Ewropa li nużaw dan id-dokument bl-aħjar teknoloġija li jagħmilha iktar diffiċli biex persuna tisraq l-identità tal-individwu partikolari.”
Il-bidla għall-passaport il-ġdid se ssir b’mod gradwali u mifruxa fuq medda ta’ snin. Il-Kap Eżekuttiv ta’ ‘Identity Malta’ Anthony Sevasta sostna: “Però tajjeb illi ngħidu li mhux ħa jkun hemm bżonn illi min għandu l-passaport validu bħalissa, jiġifieri l-passaporti normali u għadu bid-data valida, m’hemmx għalfejn imur ibiddel il-passaport.”
Dan filwaqt li fid-dawl li kull ma jmur iżjed persuni qed jsiefru anki lil hinn mill-Ewropa, il-passaport il-ġdid se jara żieda fil-paġni.
Iċ-Chairman ta’ ‘Identity Malta’, Ian Castaldi Paris stqarr: “Għaliex aħna nemmnu li l-passaport huwa dokument illi wieħed għandu jżomm, dokument li huwa ċ-ċavetta biex anki wieħed idur id-dinja u anki jsiefer fl-Ewropa.”