Il-passaport Malti huwa r-rebbieħ tal-premju prestiġġjuż tal-aqwa dokument ta’ identità reġjonali tas-sena.
Dan il-premju jirrikonoxxi l-ogħla livelli ta’ kisbiet fost il-passaporti globali u l-karti tal-identità ta’ Gvern, u ngħata lill-Aġenzija Identity Malta fl-aħħar edizzjoni tal-Konferenza High Security Printing li kienet organizzata minn Reconnaissance International fil-Portugall.
Fost il-parteċipanti li attendew għal din il-konferenza kien hemm aktar minn 270 delegat minn 136 organiżazzjoni u 43 pajjiż differenti, fosthom Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Awstralja.
Il-passport Malti jinkorpora fih teknoloġija avvanzata u karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda li jkomplu jsaħħu l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tad-dokument.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat laqa’ b’sodisfazzjon din l-aħbar.
Huwa stqarr: “Dan ifisser li l-passaport Malti huwa l-iktar wieħed diffiċli biex tipprova tiffalsifikah u dan iserħilna iżjed rasna li għandna passaport safe.”
Is-Sur Muscat fakkar kif il-benefiċċji tas-sigurtà offruti mill-passaport Malti ġdid qed jingħataw lil kull min jasal biex jibdel jew jagħmel il-passaport tiegħu.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta rrimarka kif l-aħħar passaport Malti huwa fost l-aqwa fid-dinja.
Is-Sur Sevasta qal: “Ta’ min jinnota li l-passaport il-ġdid mhux biss għandu immaġini ġodda li fih il-kultura u affarijiet relatati ma’ pajjiżna imma is-security features li għandu jagħmluh wieħed mill-aktar passaporti siguri fid-dinja.”