Hija tassew tad-daħq li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jitkellem fuq intimidazzjoni tal-ħaddiema, sempliċiment għax il-media qed tistaqsi dak li ma jridx jisma’, imma li huwa fid-dmir li jwieġeb, filwaqt li quddiemu għandu każ veru ta’ intimidazzjoni minn Deputat tiegħu biex ħaddiema jiffirmaw dikjarazzjoni falza.
Dan qalu l-Partit Laburista b’reazzjoni għal dak li qal Simon Busuttil iktar kmieni llum, jiġifieri li l-iskandlu fil-każ Tonio Bezzina mhuwiex il-fatt li bagħat ħaddiema tal-gvern jagħmlu xogħol f’każin tal-Partit Nazzjonalista, iżda li ONE NEWS mar fl-istess post tax-xogħol minn fejn Bezzina ta din l-ordni biex jitlob lid-deputat nazzjonalista jwieġeb għadd ta’ mistoqsijiet dwar l-aġir tiegħu.
“Il-poplu Malti u Għawdxi m’għandu l-ebda dubbju li l-unika intimidazzjoni fuq impjegati saret minn Toni Bezzina, li bagħat ħaddiema jagħmlu xogħol fil-kazin tal-PN taż-Żurrieq u ġelgħhom jiffirmaw dikjarazzjoni falza tant li l-istess ħaddiema qalu li kienu imwerwrin jekk ma jiffirmawx u Alla biss kien jaf minn xiex jgħaddu kieku m’għamlux hekk.”
Il-Partit Laburista qal li jagħmel tajjeb li minflok jipprova jgħaddi n-nies biż-żmien, Simon Busuttil jinduna li l-poplu Malti u Għawdxi, qed jistennih fid-dawl tal-ħafna paroli li jgħid, jieħu azzjoni, iktar u iktar issa li hemm sentenza tal-Qorti. In-nies qed jaraw ukoll bl-aktar mod ċar kif Busuttil mhux biss għandu standards differenti ma’ dawk li ma jaqblux miegħu, iżda għandu standards ukoll differenti ma’ dawk ta’ madwaru, fejn Giovanna Debono rrizenjat anke jekk il-każ kien għadu ma ntemmx, is-Sindku tar-Rabat Għawdex, l-ewwel neħħieh u xħin kien ikkundanat mill-Qorti reġa għamlu f’postu, u lil Toni Bezzina u ħafna nies oħra, ma għamel xejn fil-konfront tagħhom.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax jibqa’ jaħrab,” temm jgħid il-Partit Laburtista.