Malta se tkun aktar ġusta għal kulħadd, grazzi għall-baġit progressiv, li għadu kif ġie ppreżentat mill-Partit Laburista fil-Gvern fejn qed jinvesti fiċ-ċittadini tiegħu u jsostnihom favur ekonomija aktar b’saħħitha b’garanzija li l-pajjiż ikun lest għall-isfidi ta’ għada.
Din kienet dikjarazzjoni mill-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, il-PES, fost tifħir ieħor għall-amministrazzjoni għaqlija taħt il-Prim Ministru Robert Abela, li qed twassal għal aktar dħul disponibbli tal-familji f’pajjiżna.
Bħala eżempji soċjali, li ftit pajjiżi oħrajn jipprovduhom, il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej isemmi kif il-Gvern Malti qed ikompli jipprovdi ċ-childcare u trasport għall-iskejjel kollha b’xejn, żieda fiċ-Children’s Allowance u l-għotja ta’ €10,000 lill-first-time buyers.
Dan minbarra l-fatt li 20% tal-baġit qed jiġu allokati biex jimitigaw l-isfida tat-tibdil fil-klima.
Dwar dan ikkummenta wkoll is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista John Grech fuq il-midja soċjali, fejn tenna li hu ta’ sodisfazzjon kbir kif is-Soċjalisti Ewropej iqisu ħidmet il-Gvern Malti bħala mudell li ħaddieħor għandu jaddatta biex ikattar il-ġid fost il-poplu.