Ir-rejd li għamlu lbieraħ il-Pulizija Belġjana u Ġermaniża fuq il-kwartieri tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fi Brussell b’rabta ma’ allegat tixħim li jinvolvi konsulent li kien qrib il-kap tal-PPE Manfred Weber, qed iżżid it-tensjoni fi ħdan dan il-partit Ewropew.
Mill-uffiċini tal-PPE, li miegħu huwa affiljat il-Partit Nazzjonalista Malti, il-Pulziija ġabru kompjuters u dokumenti relatati ma’ inkjesta li qed issir fil-Ġermanja dwar allegata korruzzjoni waqt il-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019.
Il-portal internazzjonali tal-aħbarijiet Euractiv ikkwota lil sors fil-PPE, li qal Ii Mario Voigt, il-politiku Demokristjan Ġermaniż li kien ħa ħsieb l-aspett online tal-kampanja elettorali ta’ Manfred Weber u li issa qed jiġi investigat, kien l-għażla personali ta’ Weber innifsu.
“Xejn ma seta’ jsir mingħajr ma japprovah Voigt waqt il-kampanja elettorali,” qal is-sors. Kompla jgħid li Voigt għandu wkoll rabtiet personali ma’ Udo Zolleis, li huwa l-kap tat-taqsima tal-istrateġija tal-PPE, li huwa wkoll l-id il-leminija ta’ Manfred Weber.
Manfred Weber hu sostenitur kbir tal-Partit Nazzjonalista u ħatar lill-eks Kap Simon Busuttil bħala s-Segretarju tal-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew. Hemmhekk, huma jaħdmu id f’id mad-deputati Ewropej tal-PN Roberta Metsola u David Casa, fosthom biex ma’ kull okkażjoni jattakkaw lil Malta u jpinġuha f’dawl ikrah.
Skont il-Euractiv, ir-rejd tal-bieraħ kompla żied mal-frustrazzjoni diġà kbira li kien hemm fi ħdan il-PPE dwar Weber u l-għażliet li qed jagħmel dwar b’min idawwar lilu nnifsu.