Qed ikompli joħroġ fil-beraħ kemm ir-rejd li wettqu l-pulizija tal-Belġju u tal-Ġermanja fil-kwartieri tal-Partit Popolari Ewropew (il-PPE) fi Brussell b’rabta ma’ skandlu ta’ korruzzjoni fetaħ beraħ il-kaxxa ta’ Pandora għall-President tal-Partit, Manfred Weber.
Weber jaħdem spalla ma’ spalla mal-eks kap Nazzjonalista, Simon Busuttil, u mad-deputati Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew, Roberta Metsola u David Casa.
Issa anki l-eks President tal-PPE stess u eks President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, li f’pajjiżu, il-Polonja, waqqaf u jmexxi partit bl-isem Pjattaforma Ċivika, qed jagħmel l-almu kollu tiegħu biex iżomm id-distanza minn Weber u sħabu. Il-Pjattaforma Ċivika hija partit ċentru-lemini u, fil-livell Ewropew, tagħmel parti mill-PPE.
Wara li l-ġimgħa l-oħra l-PPE kellu jħassar laqgħa li kellu jppjanata li ssir fil-kapitali Pollakka, Varsavja, qed jiġi nnutat bil-kbir is-silenzju ta’ Tusk. Is-sit internazzjonali tal-aħbarijiet Euractiv irrapporta li, fil-fatt, kien il-partit Pjattaforma Ċivika ta’ Tusk li talab lit-tmexxija tal-PPE biex tikkanċella l-laqgħa li l-PPE stess kellu jagħmel f’Varsavja. Dan għamlu għax il-midja Polakka kienet bdiet torbot mal-Partit tal-Pjattaforma Ċivika l-iskandlu tal-investigazzjoni tal-pulizija dwar iI-maniġer tal-kampanja elettorali online ta’ Manfred Weber għall-ellezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019. Il-partit ta’ Donald Tusk ma jistax jaffordja li ssirlu din il-ħsara f’sena li fiha se jaffaċċja elezzjoni ġenerali fil-Polonja.
Il-Euractiv irrapporta li żewġ sorsi differenti minn ġol-PPE nnifsu kkonfermawlu li d-delegazzjoni Pollakka fil-PPE esprimiet tħassib serju dwar l-aħħar żviluppi u dwar il-ħsara politika li saret b’dan l-iskandlu – li fih hemm involut persuna qrib ħafna ta’ Manfred Weber – lill-famija politika Ewropea taċ-ċentru-lemin.
Fir-rejd fuq il-kwartieri ġenerali tal-PPE fi Brussell, il-Pulizija ċċekkjat il-kompjuters u talbet għal dokuemnnti u dejta b’rabta ma’ inkjesta li għaddejja dwar allegata korruzzjoni waqt il-kampanja elettorali ta’ erba’ snin ilu għall-Parlament Ewropew.