Mozzjoni li dwarha ma saret konsultazzjoni ma’ ħadd.
Hekk ġiet deskritta l-mozzjoni li l-Partit Nazzjonalista ressaq fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija għal-liġi dwar il-bini u l-kostruzzjoni.
Il-mozzjoni kienet intiża biex timponi liċenzji ġodda għal persuni li jkunu qed iwettqu xogħlijiet minn turnkey contractors marbutin, fost l-oħrajn, ma tqegħid ta’ madum, tibjid, tikħil u kull xorta ta’ xogħlijiet oħra ta’ finishes fil-bini.
Dan bil-maqlub ta’ dak li għamel il-Gvern meta f’Marzu li għadda ħabbar proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, bħala parti minn riforma estensiva, li saħħet ir-regolamenti fis-settur tal-kostruzzjoni, inkluż fl-iskavar u twaqqigħ.
B’hekk, issa li l-Gvern Laburista beda jwettaq bidliet kbar biex jirregolarizza dan il-qasam, għall-ewwel darba, il-PN iridu jirkbu l-karru u jidhru li qed jagħmlu xi ħaġa. Iżda l-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem tiegħu Stanley Zammit, ressaq proposti mingħajr lanqas biss għamel xi tip ta’ konsultazzjoni.
Dwar dan kitbu kemm il-gazzetta KullĦadd fl-aħħar ħarġa tagħha u s-sit talk.mt, li staqsiet ukoll lil numru ta’ operaturi fis-settur biex jagħtu l-fehma tagħhom dwar dak li ġie propost mill-PN.
Madanakollu, ir-reazzjoni li ngħataw kien li ħadd ma kien informat dwar dak li kien qiegħed jipproponi l-Partit Nazzjonalista.
L-istess sit wera wkoll li ma jidher li sar l-ebda studju jew diskussjoni dwar l-impatt li dawn il-bidliet jistgħu jġibu.
Meta indirizza l-Parlament it-Tlieta filgħaxija, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar żvela imejl li ntbagħtet mill-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negożji Żgħar u Medji, Abigail Mamo, lill-Kelliem Nazzjonalista.
Fl-imejl, li ONE News ra kopja tagħha, Mamo ċċanfar lill-Partit Nazzjonalista u tgħid li l-mozzjoni tiegħu kellha tgħaddi minn proċess ta’ konsultazzjoni u tgħaddi mis-sistema demokratika normali, u li m’għandhomx jinqabżu dawn il-passi importanti.
Mamo qalet ukoll li wieħed m’għandux iħallat l-operat urġenti u ta’ riskju għoli fil-liċenzjar tal-kuntratturi tal-bini, l-iskavar u t-twaqqigħ kif diġà ġew maqbula ma’ operazzjonijiet oħra relatati mal-industrija.
Fil-fatt, tgħid li s-severità tar-riskju huma kompletament differenti minn xulxin.
L-imejl ittemm tgħid li hu importanti li l-mozzjonijiet imressqa għandhom ikunu prudenti u proporzjonati biex jiġu evitati burokraziji żejda u spejjeż addizzjonali bla bżonn, li mbagħad jiġu mgħoddija lill-konsumaturi.
Fil-Parlament, il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li l-Gvern wettaq diversi tibdiliet importanti biex jirregolarizza dan il-qasam, u diġà tħejjew oħrajn li se jsiru fiż-żmien li ġej.
“Il-prova li tajna din is-sena, f’Lulju, għall-ewwel darba għandna liċenzjar tal-kuntratturi juri li dan il-Gvern bis-serjetà qed jaħdem biex ngħollu l-istandards f’dan is-settur. Imma ejjew noqogħdu attenti, il-bidliet ma jsirux billi niġu hawnhekk, ma nitkellmu ma’ ħadd u mmorru u nipproponu liċenzji li jolqtu mijiet ta’ operaturi mingħajr ma nkunu tkellimna ma’ ħadd.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi