Qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma rajna Oppożizzjoni daqshekk imkissra u mfarrka. Oppożizzjoni li minkejja li għadha kemm qalgħet tkaxkira oħra papali, tidher li ma tgħallmet xejn. Ir-raġuni ewlenija hija li dak li jimpurtahom l-esponenti tal-PN mhux il-ġid tal-Partit tagħhom iżda l-interess personali tagħhom.
Hi ħasra li l-Partit Nazzjonalista sar qishu baqra…kulħadd jaħleb minnha mingħajr ma jsaħħuha. L-importanti li kull minn ikun qed jaħleb jiekol u jiġba kemm jiflaħ hu u ma jinteressahx mill-partit li jkun tant dgħajef li saħansittra qed jieħu l-aħħar nifsijiet tiegħu.
Irridu ngħidu li dan l-istat tant ħażin li spiċċa fih illum il-PN hu riżultat ta’ egoiżmu sħiħ fit-tmexxijiet preċedenti u f’deċiżjonijiet li ma kinux naturali iżda mmexxija mill-klikka. Il-klikka li saħansittra sal-lum għadha ma tridx tħalli l-għażla naturali sseħħ għal Kap ġdid għax din l-istess klikka tad-Dar Ċentrali kienet u għadha tinteressaha biss kif ser tiggwadanja hi u mhux kif il-PN jista’ xi darba forsi jqum mill-istat povru li jinsab fih.
Għall-PN jidher li d-dawl ser idumu ma jarawh u dan għaliex filwaqt li bħalissa hemm il-ġirja salvaġġa u feroċi għal Kap ġdid, diġà il-partitarji Nazzjonalisti m’għandhomx fiduċja fil-kandidati u saħansitra ħafna minnhom qed jikkunsidraw iħassrux il-vot tagħhom biex forsi jwasslu messaġġ.
Illum irridu ngħidu li għandna żewġ xenarji opposti. Partit tal-PN mkisser u mifrud min-naħa waħda, u min-naħa l-ohra moviment magħqud, b’saħħtu, u b’mexxej b’viżjoni li lil dan il-pajjiż għamlu l-aqwa fl-Ewropa. Mexxej u Prim Ministru li lil pajjiżna qed jagħtih l-aqwa żmien fejn igawdi kulħadd mis-suċċess li għaddej minnu pajjiżna.
Li inti jkollok mexxej bħal Joseph Muscat illum nasal ngħid li hija grazzja kbira. Lkoll iffortunati li f’pajjiżna għandna stilla bħal Joseph Muscat. Stilla li rridu ngħożżu u nkunu grati lejha. Meta Joseph Muscat ħa t-tmexxija tal-Partit Laburista f’idejh, mhux biss kien kapaċi jsaħħaħ Partit iżda bħala Prim Ministru, kien u għadu kapaċi jsaħħaħ pajjiż f’kull aspett.
It-triq ‘il quddiem għal pajjiżna hija waħda sabiħa ferm li timlik b’kuraġġ kbir. Kuraġġ li qed tagħti lil kull Malti l-inizjattiva biex javvanza f’kull aspett. Għad irridu naraw affarijiet kbar għal pajjiżna u dan kollu grazzi għal Joseph Muscat li dejjem ġab lill-pajjiż l-ewwel u qabel kollox.