Anthony Delia, ħu Adrian Delia, qal li l-Partit Nazzjonalista m’għadux il-Partit tiegħu.
F’intervista mat-Times of Malta, jiem wara li rriżenja minn kunsillier Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar, biex jibqa’ Kunsillier Indipendenti, qal li l-eks Kap tal-Partit, ġie “eliminat” minn xi gruppi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Qal li dik tas-Sibt li għadda ma kinitx elezzjoni, imma eliminazzjoni, u ma jħossux komdu b’dak li ġara.
Lil min akkużah traditur wieġbu li t-tradituri huma dawk li riedu jqaċċtu lil ħuh mit-tmun tal-Partit akkost ta’ kollox, u dawk li ħadmu biex jiddistabilizzaw lill-Partit Nazzjonalista.
“Dawk huma t-tradituri tal-Partit, u l-problema hi li għadhom hemm”, qal ħu Adrian Delia fl-intervista mat-Times.
Mistoqsi jekk kienx qed jirreferi għal Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia, Anthony Delia żied li ma’ dawn hemm oħrajn bħal Louis Galea u Ivan Bartolo.
Kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista m’għadux jintagħraf minn żmien Eddie Fenech Adami, u l-ġustizzja u l-libertà li kien hemm l-għajta għalihom dak iż-żmien, m’għadhomx jeżistu.
Qal li anki Harry Potter kien kapaċi jirbaħ kontra Adrian Delia għaliex il-bqija tat-tim kien kontrih, u din hija s-sitwazzjoni li ħuh kellu jaffaċċja għal dawn l-aħħar tliet snin.
Kunsilliera oħra Nazzjonalista fl-istess lokalità, Anne Fenech, li għal xi żmien kienet Sindku, ukoll irriżenjat mill-Partit Nazzjonalista, għax qalet li ma taqbilx ma’ ċertu deċiżjonijiet.
Meta kkuntattjata mill-istess gazzetta, qalet li l-Partit Nazzjonalista m’għadux li kien.
Sadanittant, tliet membri mill-Kumitat Sezzjoni tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż-Żabbar ukoll irriżenjaw.