“Qas stajt nagħmel sempliċiment like fuq Facebook mingħajr ma jċempluli n-nies ta’ Delia tard bil-lejl.”
Dan kien kliem Jamie Vella.
Żagħżugħ ta’ 22 sena li serva bħala membru mal-fergħa taż-żgħażagħ Nazzjonalisti l-MŻPN. F’intervista mas-sit Lovin Malta spjega kif b’riżultat ta’ nuqqas ta’ ideat u direzzjoni, l-Partit Nazzjonalista huwa maħkum minn paranojja assolutà.
Vella, issa ex-membru tal-MŻPN li ġej mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, spjega kif tard billejl nies li ma jafhomx minn imniex kienu jċemplulu jistaqsuh dwar l-attività tiegħu fuq il-midja soċjali. Attività li kienet tmur kontra t-tmexxija ta’ Adrian Delia.
Dan mingħajr ma’ qatt provda l-kuntatt tiegħu.
Huwa spjega kif ingħaqad mal-MŻPN fl-2013 wara t-telfa elettorali li ġarrab il-PN. Minn hemm huwa ħadem u mmillita fil-Partit Nazzjonalista madankollu spjega kif l-affarijiet inbidlu drastikament malli Adrian Delia tela’ fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Filfatt il-fergħa kollha tal-MŻPN ingħatat il-ġenb mit-tmexxija ta’ Delia dan hekk kif twaqqfet fergħa żagħżugħa oħra bl-isem ta’ Future Leaders u b’hekk Delia urta mhux ftit liż-żgħażagħ tal-MŻPN.
Is-sentiment ta’ Vella li bilkemm tista’ tlissen kelma fil-partit ta’ Adrian Delia imur id f’id ma’ dak li qal id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo fejn kien saħaq li fil-grupp parlamentari mmexxi minn Adrian Delia wieħed bilkemm jista’ jiftaħ ħalqu.