“B’referenza għall-istqarrija li ħareġ il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, ikun aħjar li l-Onorevoli David Thake jibda jifhem il-fatti bażiċi tad-dekasteru li huwa jirrapreżenta.” Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista kompla jgħid li mhux talli l-Gvern mhux qed jaħdem f’paniku imma qed jimplimenta l-akbar investiment li qatt sar f’Malta fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart b’madwar nofs biljun ewro f’investiment kapitali biex il-pajjiż ikollu ekonomija ċirkolari u r-residenti tal-Magħtab jingħataw l-ambjent li jixraqilhom.
“Tant ma jidhirx li jaf x’qed jgħid l-Onorevoli Thake li saħansitra dak li hu qed isejjaħ paniku kien diġà mwiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista tal-2017 li jsemmi l-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart, jiġifieri proċess li juża skart li ma jistax jiġi riċiklat biex issir enerġija minflok ma jintrema fil-miżbliet”, saħaq il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista sostna l-poplu Malti qed juri maturità ambjentali kbira u qed ikompli jtejjeb il-performance ambjentali tiegħu b’suċċessi ġodda xahar wara l-ieħor filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kompla għaddej ixerred id-dubji u l-qtigħ il-qalb.
Il-Partit Laburista tenna li kien ikun aħjar li kieku l-Onorevoli Thake ħares imqar lejn is-sommarju eżekuttiv tal-Environmental Impact Assessment estensiv li sar għax hemm kien isib ħafna informazzjoni li jidher illi għadu ma fehemx. L-Onorevoli Thake ħawwad ukoll meta qed jgħid li ħareġ tender ieħor sabiex jinbena inċineratur għal skart tossiku waqt li għaddejja l-konsultazzjoni, meta t-tender imsemmi hu speċifikament sabiex isiru l-istudji u l-konsultazzjonijiet kollha neċessarji hekk kif mitluba mil-liġi.
“Il-Partit Laburista ġenwinament jerġa’ jistieden lill-Onorevoli Thake jagħmel sforz ikbar biex jidħol fid-dettall tal-materja li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu biex b’hekk anke hu, kif ukoll il-partit tiegħu jkunu parti minn din ir-rivoluzzjoni li qed issir u li ser issolvi l-problemi tal-iskart f’ Malta u tagħti anke ambjent aħjar lir-residenti fil-viċinanzi tal-Magħtab”, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.