Il-Partit Laburista sostna li l-Partit Nazzjonalista, dwar is-settur tal-enerġija m’għandux kredibbiltà.
Huwa qal dan fi stqarrija hekk kif sostna li l-istess Partit qed jgħid li se jmur il-Qorti dwar sistema tal-kontijiet b’avviż legali li kiteb u implimenta hu meta kien fil-Gvern fl-2009.
Il-Partit Laburista saħaq li kif imwiegħed fil-budget se jkun dan il-Gvern li jibdel dan, bir-riżultati ta’ din il-bidla, ikunu impliminetati b’effett mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena.
Intant l-istqarrija tal-Partit Laburista qalet ukoll li l-kelliema li qed jitkellmu f’isem il-Partit Nazzjonalista sal-lum stess, dwar din il-materja, huma l-istess kelliema li ddefendew il-politika tal-prezzijiet għoljin tal-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, il-Partit Laburista jirreferi għad-dikjarazzjonijiet tagħhom on record jiddefendu l-politika tal-piżijiet fuq in-nies tal-aħħar Gvern Nazzjonalista.
“Għall-Partit Nazzjonalista, din il-politika għadha tgħodd sal-lum għax il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ukoll qed on record jgħid li l-prezzijiet għandhom jinbidlu mal-prezz internazzjonali taż-żejt,” sostna l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista temm jgħid li l-Maltin jafu li dan il-Gvern mhux biss raħħas il-kontijiet minn kif kienu fi żmien il-Partit Nazzjonalista, iżda implimenta politika li ħalliet stabbiltà f’mument fejn il-familji fil-pajjiżi oħra Ewropej tgħabbew bil-prezzijiet tal-fuel u l-elettriku rekord, b’investiment ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro.
Kieku ma sarx dan l-investiment il-familji qed iħallsu mal-€1,700 iktar fi spiża fuq enerġija fis-sena.