Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir tenna li l-Oppożizzjoni qed tagħmel ħilitha biex tbiddel proġett ta’ importanza kbira nazzjonali f’ballun politiku, flok tkun kommessa biex dan effettivament jitwettaq.
Il-Gvern kien qed jirreaġixxi għal konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista fejn kompla jqarraq billi jgħid li pajjiżna qed jibqa’ jieħu l-passi lura minflok ’il quddiem fl-immaniġġjar tal-iskart lokali.
Il-Partit Laburista wkoll iddikjara kif il-Partit Nazzjonalista, flok jappoġġja proġetti li jnaqqsu l-miżbliet, moħħu biss biex jara kif ixekkel tali proċess.
Waqt li qal li dan hu l-uniku mod kif il-Partit Nazzjonalista jaf jaħdem, il-Partit Laburista saħaq li l-PN se jibqa’ mfakkar għall-ftuħ tal-miżbliet, meta kien fil-Gvern, bla ebda azzjoni serja biex imqar tibda ssir is-separazzjoni tal-iskart mill-familji u n-negozji.
Min-naħa l-oħra, Gvern Laburista qed jagħlaq il-miżbliet u qed jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi biex tiżdied is-separazzjoni tal-iskart, jitnaqqas l-iskart mill-miżbliet, skart riċiklabbli jerġa’ jintuża u skart organiku jinbidel f’riżorsa.
Kuntrarjament għal dak li ntqal mill-Oppożizzjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Appell relatata mat-tender tal-proġett waste-to-energy ma daħlitx fil-proċedura li addottat l-aġenzija WasteServ biex tikklassifika lill-offerenti jew il-punteġġi li ngħataw, li kienu wkoll ikkonfermati mill-aqwa ditti internazzjonali fil-qasam.
Fir-reazzjonijiet issemma wkoll kif il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kontra kull soluzzjoni ambjentali, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jibqa’ sieket għal kollox dwar il-konflitt ta’ interess lampanti tad-Deputat tiegħu Adrian Delia li qed jiddefendi konsorzju li għandu offerta għall-istess proġett li tista’ tiswa lill-pajjiż mal-€200 miljun aktar.
Hu b’hekk li l-poplu qed jistenna li Bernard Grech jgħid jekk hux komdu li għandu l-preċedessur tiegħu jitħallas l-eluf minn kumpanija li għandha interess kummerċjali li tidħol f’kuntratt mal-Gvern għall-20 sena li ġejjin, qal il-Partit Laburista.