Il-Partit Nazzjonalista ħareġ kontra l-miżuri li pproponew ilbieraħ l-awtoritajiet tas-saħħa, fosthom li turisti li jiġu Malta jridu jkunu ħadu l-vaċċin kontra l-COVID-19.
Wara xhur ta’ skiet dwar il-Coronavirus, il-Partit Nazzjonalista u esponenti tiegħu reġgħu bdew jitkellmu għax kien hemm żieda fl-infezzjonijiet għal numru ta’ jiem.
Is-Sibt, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija biex jikkritika l-miżuri mħabbra, li primarjament jaħsbu għal turiżmu sigur fejn il-persuni li jaslu Malta jkunu ħadu l-vaċċin. Għall-Partit Nazzjonalista, din il-miżura hija estrema.
Minflok, il-Partit Nazzjonalista jrid li kull min jiġi Malta b’test tal-COVID negattiv, jittiħidlu test ieħor fl-ajruport.
Mhux magħruf jekk dan ifissirx li l-Partit Nazzjonalista qed jaħseb li l-COVID ikun qabadhom fuq l-ajruplan jew malli missew mar-runway, ladarba test negattiv ikollhom f’idejhom diġà.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tagħti x’tifhem li l-każi ttieħdu mill-kju fl-ajruport, anke jekk il-contact tracing wera mod ieħor fejn b’mod partikolari kien hemm clusters fl-iskejjel tal-Ingliż.
Intant, għall-Partit Nazzjonalista l-iskejjel tal-Ingliż kellhom jibqgħu miftuħa wkoll.
Fi stqarrija fejn għal darb’oħra naqas l-appell biex il-pubbliku jieħu l-vaċċin, il-Partit Nazzjonalista qal li l-miżuri li ħadu l-awtoritajiet tas-saħħa mhumiex fl-interess nazzjonali.
Intant, il-Ġimgħa l-awtoritajiet tas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne taw rendikont dettaljat tas-sitwazzjoni preżenti u spjegaw li kienu qed jaġixxu mill-ewwel bil-għan li x-xogħol kollu li sar fl-aħħar xhur ikun ippriservat.