L-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li bħalissa trid tagħti l-impressjoni ta’ business as usual, ma ndunatx li l-kritika li għamlet permezz ta’ stqarrija, kompliet ikkonfermat kemm hija kontra l-innovazzjoni ekonomika u kontra l-blockchain.
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għall-Innovazzjoni qal li fil-kritika tagħha, l-Oppożizzjoni kienet ipokrita meta rikbet fuq sitwazzjoni ta’ kumpanija, meta l-istess Oppożizzjoni lanqas ħadet sehem f’waħda minn sitt konsultazzjonijiet pubbliċi li saru dwar is-settur tal-blockchain u allura moħħha biss biex togħrok idejha b’xi ħaġa hekk.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jista’ jibqa’ jkun kontra l-innovazzjoni u l-blockchain, dan il-Gvern se jkompli jaħdem sabiex jixpruna lejn Malta aktar kumpaniji.
Bħalissa l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji qed tipproċessa l-applikazzjonijiet sabiex aktar tard din is-sena joħorġu l-ewwel liċenzji li jfissru aktar xogħol u opportunitajiet għall-familji Maltin u Għawdxin.