Il-konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista kompliet toħroġ iżjed fl-aħħar jiem, din id-darba wkoll dwar ir-riforma fl-użu responsabbli tal-kannabis, li ddaħħlet mill-Gvern Laburista fl-2021, dakinhar taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Owen Bonnici.
Il-gazzetta KullĦadd, fl-aħħar ħarġa tagħha, spjegat kif l-Erbgħa filgħaxija tal-ġimgħa l-oħra, huwa u dieħel il-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ġie mistoqsi mill-ġurnalisti jekk Gvern Nazzjonalista jreġġax lura din ir-riforma.
Viżibilment mifxul, Grech infexx jattakka lill-Gvern dwar id-droga misruqa minn Ħal Safi, minkejja li kienu diġà ġew arrestati numru ta’ persuni u tressqu akkużati fil-Qorti fuq il-każ.
Ftit tal-ħin wara, Nathaniel Attard, il-kelliem ewlieni ta’ Bernard Grech, ħareġ stqarrija biex jgħid li Gvern Nazzjonalista ma jreġġax lura r-riforma, iżda li jerġa’ jiddiskutiha u janalizzaha mill-ġdid.
Fil-jiem li għaddew, ġurnalist ieħor, din id-darba mil-Lovin’ Malta, ukoll innota l-ipokrezija ta’ Bernard Grech u Roberta Metsola dwar is-suġġett, meta dawn ipprovaw jieħdu vantaġġ politiku b’rabta mad-droga misruqa mill-barracks tal-AFM f’każ li ġie solvut mill-Pulizija f’inqas minn 48 siegħa.
Persuni midħla tar-riforma qalu lill-gazzetta KullĦadd li, fi kliem ieħor, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jerġa’ jiftaħ dan is-suġġett u li mhemm l-ebda garanzija li ma jġibx fix-xejn ir-riforma meħtiega li saret.
Dwar dan, il-KullĦadd ħadet ir-reazzjoni wkoll tal-Ministru Owen Bonnici, li spjega kif erba’ snin ilu, bħala l-Ministru responsabbli mill-Ugwaljanza, mexxa din ir-riforma kuraġġuża mmens.
Qal li ma kinitx riforma faċli, iżda spjega kif kellu l-appoġġ tal-Gvern kollu u tal-Prim Ministru Robert Abela, iżda sab reżistenza qawwija mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
“Bernard Grech kien qalilna li l-Partit Laburista kien qiegħed jaljena liż-żgħażagħ bil-kannabis. Kienu qalu li qed ninnormalizzaw l-użu tad-droga u li konna qed nagħtu rigal kbir lit-traffikanti tad-droga. Aħna lit-traffikanti tad-droga nressquhom quddiem il-ġustizzja u jmorru l-ħabs. Ħaddieħor, lit-traffikanti tad-droga, jibgħathom lura pajjiżhom bħala nies ħielsa”, qal Dr Bonnici, b’referenza għall-każ skandaluż meta Gvern Nazzjonalista ħeles lit-traffikant tad-droga Queiroz u bagħatu lura pajjiżu.
Bonnici kompla li, “permezz tar-riforma li wettaqna, weġibna għar-realtajiet fis-soċjetà u temmejna t-tbatija u l-umiljazzjoni kostanti u inġusta li ġġib magħha l-kriminalizzazzjoni tal-adulti li jagħżlu li jagħmlu użu responsabbli mill-kannabis, permezz tal-arresti jew it-tressiq tagħhom quddiem tribunali jew qrati. Iżda dan kollu jerġa’ jintilef jekk Bernard Grech jingħata l-poter”.