Il-Partit Nazzjonalista ried imur kontra r-rakkomandazzjoni tal-kumitat Ornis biex jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa għas-summien.
Fuq ix-xandir nazzjonali, id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ddikjara li ma kellux jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa.
Fenech Adami qal, “Naħseb kellna nikkunsidraw li ma jinfteħax l-istaġun tal-kaċċa.”
Wara konsultazzjoni wiesgħa mal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Gvern laqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis sabiex jinfetaħ l-istaġun għall-kaċċa fir-rebbiegħa, bejn l-10 ta’ April sal-aħħar tax-xahar minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, inkluż fost il-ġimgħa, nhar ta’ Sibt u Ħadd u festi pubbliċi.
Il-kwota nazzjonali għal dan l-istaġun hija ta’ ħames t’elef summiena u ma hemm l-ebda kwota individwali.
Il-kaċċa għas-summiena tiġi prattikata minn kaċċatur waqt li jkun waħdu fir-raba’, iżda fi stqarrija, il-Gvern saħaq li skont id-direttivi li ngħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa diġà, anzjani u persuni vulnerabbli ma jistgħux joħorġu għall-kaċċa u dan skont l-avviż legali li ġie ppubblikat.
Fil-fatt ġew miżmuma l-liċenżji tal-kaċċa ta’ dawn il-persuni.
L-istess projbizzjoni tgħodd ukoll għal dawk il-persuni li qegħdin kwarantina u oħrajn li huma ordnati joqogħdu f’iżolament.
B’rabta ma’ dan kollu, il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK appellat lill-membri kaċċaturi sabiex mingħajr ebda kompromess, josservaw strettament kull regolament u twissija li diġà ħarġu l-awtoritajiet tas-Saħħa.