Wara r-riżultat fl-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali nhar it-8 ta’ Ġunju li għadda, il-Partit Nazzjonalista beda jimmanuvra biex jiskredita u jwarrab persuna li ġiet eletta demokratikament bħala President ta’ Reġjun, li jirrappreżenta disa’ kunsilli.
Dan żvelah il-President tar-Reġjun tat-Tramuntana, Clifford Galea, li fuq Facebook kiteb li minn ħdan il-Partit Nazzjonalista hemm min qed jiddubita jekk il-pożizzjoni tiegħu għadhiex tenibbli, issa li ċerti kunsilli fir-reġjun reġa’ għandhom tmexxija Nazzjonalista.
Waqt li staqsa fejn hi l-maturità politika, il-President tar-Reġjun Tramuntana fakkar li hu nħatar anke bl-appoġġ ta’ kunsillieri Nazzjonalisti.
Iżda donnu li, ladarba r-reġjun jiġbor fih lokalitajiet, bħall-Mellieħa, il-Mosta, San Ġwann u San Pawl il-Baħar, li issa għandhom tmexxija Nazzjonalista, allura mid-Dar Ċentrali qed jippretendu bi dritt li jiksru vot demokratiku u jinħatar min jixtiequ huma fit-tmun tar-reġjun.