Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna u l-iżviluppi li qed iseħħu fuq livell Ewropew fil-qasam militari komplew jiddominaw id-diskussjoni bejn ċirku żgħir ta’ nies fil-Partit Nazzjonalista.
Persuni li huma midħla ta’ wħud mid-deputati Nazzjonalisti tkellmu pubblikament dwar kif Bernard Grech qed issirlu pressjoni biex il-Partit Nazzjonalista jipproponi referendum biex isir tibdil fl-artikolu tal-Kostituzzjoni li jassigura n-newtralità.
Persuni midħla tad-Dar Ċentrali ma jistgħux jifhmu kif u għaliex qed tissemma idea bħal din.
Fl-aħħar żmien il-Partit Nazzjonalista affaċċja kritika dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-gwerra fl-Ukrajna, partikolarment il-messaġġi differenti li qed iwasslu l-Kap Bernard Grech u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
Bernard Grech kontinwament jipprova jserraħ moħħ in-nies li l-Partit Nazzjonalista jaqbel man-newtralità u ma jaqbilx li Malta jkollha x’taqsam ma’ gwerer. Mill-banda l-oħra, Metsola tappella kontinwament sabiex il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jarmaw rwieħhom u li lesta tissellef il-flus għal skopijiet militari kieku jkollha l-poter f’idejha.
Din l-aħħar kwistjoni fil-Partit Nazzjonalista ħarġet fiċ-ċar fil-midja tal-istess partit meta riċentament il-preżentatur u kandidat Nazzjonalista Dione Borg ikkummenta dwar dan.
“Il-poplu Malti fir-realtà qatt ma ddiskuta n-newtralità b’mod profond, jew forsi jsir referendum fuqha, jew forsi. Iddaħħlet fil-Kostituzzjoni mill-Gvern Laburista biex ma jkunx daħħal biss il-maġġoranza, imma jkun daħħal żewġ klawsoli oħrajn biex ikun rebaħ xi ħaġa.”
Il-kandidat Nazzjonalista, Dione Borg
L-eks Ministru Nazzjonalista Joe Borg kompla jrewwaħ mal-argumenti ta’ Dione Borg meta nsista kemm-il darba li Malta għandha tipparteċipa fid-difiża tal-Ewropa b’mod attiv.
“Nistgħu wkoll, jekk irridu fl-aħħar mill-aħħar, u hemmhekk fejn forsi tgħid allura f’dak il-każ, forsi jagħmel sens xi forma ta’ referendum etċ. Nistgħu wkoll niddeċiedu ngħidu isma, aħna mil-llum ‘il quddiem in-newtralità ma għadhiex tgħodd għal pajjiżna.”
L-eks Ministru Nazzjonalista, Joe Borg
Huwa rrefera għall-pożizzjoni li ħa l-Gvern Laburista fl-1979 favur in-newtralità bħala ‘mossa ta’ konvenjenza politika’ u ddeskriva l-klawsola tan-newtralità bħala xi ħaġa li ma għadhiex tagħmel sens.
“Kienet kważi pass ta’ konvenjenza politika illi Malta ġiet iddikjarata bħala pajjiż newtrali immedjatament wara s-79.”
L-eks Ministru Nazzjonalista, Joe Borg
“Jekk inti tħares lejn il-klawsola tan-newtralità li għandna, għandek ċerti aspetti minnhom li lanqas għadhom jagħmlu sens.”
L-eks Ministru Nazzjonalista, Joe Borg
Iż-żewġ esponenti Nazzjonalisti ma qagħdux jomgħoduha biex jammettu li ma jaqblux mal-pożizzjoni tal-Gvern li Malta tkun newtrali, bi Dione Borg jiddeskrivi l-pożizzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela favur il-paċi bħala ‘gallarija’.
“S’issa l-ewwel kliem li qal il-Prim Ministru qisu miexi lejn dik id-direzzjoni: jien ma rridx ikolli x’naqsam ma’ xejn li għandu x’jaqsam mal-European Defence Union u allura irrid qisu newtralità passiva.”
L-eks Ministru Nazzjonalista, Joe Borg
Numru ta’ persuni esprimew ruħhom internament fi ħdan il-Partit li huma ‘ċerti’ li t-talba għal referendum fuq in-newtralità hija strateġija ħażina, kemm għall-Partit Nazzjonalista u kif ukoll għal pajjiż.
Huma nsistew li l-poplu huwa kontra kwalunkwe mossa li tista’ tesponi lill-pajjiż għall-periklu, apparti l-fatt li kull meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern fl-aħħar erbgħin sena qatt ma ħass il-bżonn li jbagħbas il-Kostituzzjoni.
Oħrajn iddeskrivew l-idea ta’ referendum bħala ‘ġennata’ u li lanqas għandha tgħaddi minn moħħ xi ħadd li l-pajjiż jonfoq il-flus f’referendum li jiswa ħafna flus kif swew ir-referendum dwar id-divorzju u r-referendum dwar il-kaċċa.