Fil-każin Nazzjonalista ta’ Santa Luċija il-Ħadd filgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista ssoktaw bil-messaġġ aħrax kontra Malta.
Fost għajjat u ħanqa liema bħalha, Bernard Grech saħaq li jrid ikun hu Prim Ministru biex in-nies ikunu kburin li huma Maltin.
Huwa tenna, “Biex pajjiżna jerġa’ jkun kburi li huwa Malti.”
Mal-messaġġ ta’ Bernard Grech kontra Malta, kompla wkoll Beppe Fenech Adami, li f’diskors negattiv qal hekk. “Bejn Gvern li javellik mad-dinja kollha jew inkella Gvern immexxi minn Bernard Grech li jerġa’ jagħmlek kburi li int Malti.”
F’Santa Luċija tkellmet ukoll dik li se tieħu s-siġġu parlamentari ta’ David Thake, fejn hawnhekk semmiet id-diskors li kien qal l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u tenniet ukoll il-messaġġ ta’ Bernard Grech, li jistħi jgħid li hu Malti.
Hija stqarret, “Hawn nirrepeti diskors li sar qabli u minn hawn insellem lil Dr Lawrence Gonzi. Mal-Labour tistħi tgħid li int Malti, mal-Partit Nazzjonalista tkun kburi li inti Malti.”
Imbagħad fid-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista qal li tħossok kburi li tkun Nazzjonalist.
Bernard Grech qal, “Tħossok kburi li int Nazzjonalist, tħossok kburi.”
Hawnhekk tkellem ukoll il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius, li sellem ix-xogħol lil David Thake, li nqabad li ma ħallasx qrib il-miljun ewro f’VAT dovuta lill-Istat.
Agius tenna, “Insellem ix-xogħol kollu li wettaq David Thake.”
Filwaqt li fid-diskors ta’ Bernard Grech spikka l-għajjat u n-negattività, huwa beda hekk, id-diskors tiegħu.
Grech fetaħ id-diskors, “Il-aħwa kemm hawn nies illum.”