Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli b’missjoni ta’ qerq barra minn xtutna biex ikasbar u jagħmel l-ikbar ħsara possibli lil pajjiżna. Dan mistenni jibqa’ jattakka l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, f’dibattitu li se jsir il-ġimgħa d-dieħla fil-Parlament Ewropew.
Fi programm fuq il-midja Nazzjonalista, li matulu ġie trattat il-programm ta’ ċittadinanza, id-Deputat Laburista Alex Muscat żvela kif fuq l-aġenda tal-ġimgħa d-dieħla tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, hemm skedat dan id-dibattitu, li bħalma ġara kemm-il darba fis-snin li għaddew, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti jiggranfaw ma’ kull okkażjoni biex jaraw kif se jkomplu bil-gwerra qaddisa kontra Malta.
ALEX MUSCAT: “David Casa reġa’ mbotta biex fil-Parlament Ewropew nerġgħu niddiskutu ċ-ċittadinanza Maltija.”
DIONE BORG: “X’fiha ħażin li l-Parlament Ewropew jiddiskuti ċ-ċittadinanza Maltija?”
ALEX MUSCAT: “Ma ddiskuta l-ebda programm tal-ebda pajjiż ieħor.”
Alex Muscat fakkar kif fl-aħħar 10 snin, il-Partit Nazzjonalista kien inkonsistenti u ħafna drabi biddel il-pożizzjoni tiegħu dwar dan il-programm ta’ ċittadinanza.
“Li ma nafx żgur s’issa u matul is-snin dejjem tħawwadt il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista – fil-manifesti tal-PN fl-aħħar 10 snin – darba se nneħħuħ, darba se nżommuh imma nirranġawh, darba se ntejbuh.”
Alex Muscat, Deputat Nazzjonalista
Intant, is-sentenza tal-Qorti Ewropea fil-konfront ta’ Malta kompliet tesponi l-qasma li hemm fil-Partit Nazzjonalista. Infatti, fil-gazzetta KullĦadd tal-Ħadd, ġie rrappurtat kif fil-Partit Nazzjonalista hemm żewġ gruppi li ħarġu b’pożizzjonijiet opposti kompletament minn xulxin.
Il-KullĦadd innota kif fuq naħa kellek lil Roberta Metsola u David Casa li kienu qed jistennew is-sentenza. Jappoġġjaw lil Metsola u lil Casa f’Malta kellek lil Karol Aquilina u lil Jason Azzopardi li ħarġu bl-istess forma ta’ attakk fuq Malta.
Fuq in-naħa l-oħra kellek lid-Deputati ta’ Adrian Delia, ewlieni fosthom Alex Borg, li ħaduha qatta bla ħabel kontra l-pożizzjoni ta’ Metsola, Aquilina u l-bqija. Borg ħa pożizzjoni kompletament differenti mill-oħrajn u saħansitra anke ppropona illi l-programm ta’ ċittadinanza Malti, għandu jissaħħaħ.
“Nemmen li llum nafu x’ġara bil-bejgħ tal-passaporti, sar ċertu ġid, anzi jien irrid nara li fejn sar tajjeb fil-bejgħ tal-passaporti nkabbar fuqu.”
Alex Borg, Deputat Nazzjonalista